• The Butler

  • ****

    Direttur:        Lee Daniels
    Atturi:            Forest Whitaker, Oprah Winfrey, David Oyelowo
    Ħin:                127 minuti
     
    Klassifika taċ-Ċensura: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 15
     
    Fis-snin 20 fin-Nofsinhar ta’ l-Istati Uniti, is-suwed kienu għadhom ittratti bħala skjavi għalkemm kienu ġew illiberati. Is-sidien bojod lil dawk li kienu jaħdmu fl-għelieqi  kienu jġagħluhom jaħdmu siegħat twal, b’paga miżera, u kienu jimmaltrattawhom kemm iridu. Cecil Gaines huwa tifel  li jiġbor il-qoton u li jara lil missieru jiġi maqtul kiesaħ u biered minn wieħed mis-sidien. Wara li dan iseħħ il-mara tas-sid tgħid lil Cecil biex jibda jaħdem fid-dar. Snin wara, issa kbir, Cecil ikun qed jagħmilha ta’ butler f’lukanda ta’ klassi għolja f’Washington fejn jitgħallem l-importanza li jżomm ħalqu magħluq u li jantiċipa dak li l-klijent ikun irid. Hawnhekk jinnotah aġent tal-White House u fi ftit żmien jiġi mpjegat fir-residenza tal-President, il-White House, fejn jagħti servizz mill-qrib lil kull President Amerikan minn Dwight Eisenhower sa Ronald Reagan. Fil-ħajja tal-familja tiegħu, iżda, Cecil ikollu ħafna inkwiet. Marthu Gloria hija alkoħolika li ma’ taħmilx is-siegħat twal li żewġha jdum ix-xogħol, filwaqt li ibnu l-kbir, Louis, jsir attiv fil-kampanja għad-drittijiet ċivili tas-suwed u jispiċċa mhedded mill-Klu Klux Klan u jiġi mitfuh il-ħabs. Wara li joħroġ mill-ħabs, meta jara li Martin Luther King hu passiv wisq u mhu se jasal imkien, Louis isir radikali u jingħaqad mal-Black Panters.
     
    Film drammatiku, ibbażat fuq il-ħajja vera ta’ Eugene Allen li serva bħala butler tal-White House taħt tmin presidenti. Il-film jagħti stampa tal-ġlieda tas-suwed fl-Amerika għad-drittijiet tagħhom u din tispikka l-iktar fir-relazzjoni diffiċli bejn Cecil u Louis, li għandhom idejat differenti dwar ir-rwol tas-suwed fl-Amerika: għal Cecil, il-mod kif is-suwed jistgħu javvanzaw huwa permezz ta’ xogħol iebes u billi ma joħolqux inkwiet; Louis, minn-naħa l-oħra jidhirlu li għandhom jieħdu pożizzjoni u jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom. L-atturi jaħdmu parti tajba ħafna, l-iktar fosthom Winfrey Oprah u Forest Withaker. Il-film fih xeni ta’ vjolenza, kontenut sesswali, u kliem ħażin. Jgħodd għal dawk minn 15 il-sena ‘l fuq.