• Il-Knisja f’pajjiżna permezz tal-Caritas kienet pijuniera fil-ġlieda kontra d-droga, u kienet pijuniera fir-rijabilitazzjoni tal-persuni li kienu jieħdu d-droga.

      Issa li ħarġet il-White Paper “Riforma tal-liġijiet dwar id-drogi tal-abbuż”, il-Knisja trid tagħti sehma fid-diskussjoni li bdiet. Ovvjament, irid ikun hemm ħafna kunsiderazzjonijiet u riċerka li ddawwalna.

      Naħseb li dawn huma xi prinċipji li jridu jiġu mħarsin:

      • Li d-droga hija ħażina mhux għax kienet illegali, iżda hi llegali għaliex għandha effetti ħżiena fuq dawk li jeħduha.
    • Li jibqa’ jkun hemm inċentivi biex il-vittmi joħorġu minnha. Il-periklu hu li għaliex il-cannabis mhux se twassal għall-Qorti, xi wħud jinsew l-effetti ħżiena li jibqa’ jkollha fuq min jeħodha. Fl-Istati Uniti sar studju fuq il-cannabis u sabu li żdied l-użu tagħha minn mindu din saret legali. U r-raġuni hi li qed jinsew l-effetti tagħha.
    • Li waqt li jiġu aġevolati l-vittmi tad-droga, tkompli u tiżdied il-ġlieda kontra t-traffikanti tad-droga għaliex xorta se jibqa’ suq għaliha.
    • Li jkomplu jsiru kampanji fuq l-effetti tad-drogi kollha, anki fl-iskejjel.

    L-esperjenza tagħna f’dan il-qasam għalmitna li r-rijabilitazzjoni mid-droga hija proċess twil u ta’ tbatija. Għalhekk nappella li d-diskussjoni ssir ukoll b’viżjoni fit-tul fejn ma ninsew qatt l-effetti ta’ kull tip ta’ droga. Il-Knisja, anki jekk jitbiddel ix-xenarju preżenti, tibqa’ żżomm il-persuna fiċ-ċentru tal-missjoni tagħha u għalhekk tibqa’ toffri s-servizzi tagħha f’dan il-qasam.

    ✠  Pawlu Cremona O.P.

         Arċisqof ta’ Malta