• Katidral tal-Imdina
    29 ta’ Settembru 2014

    Ħuti, aħna ġejna hawn llum biex nirringrazzjaw lil Alla flimkien mal-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca, għall-erbgħin sena tal-episkopat tiegħu. Nirringrazzjaw lill-Mulej li tul dawn l-erbgħin sena kien dejjem mal-Arċisqof tagħna.

    Jiena llum xtaqt li naqsam magħkom riflessjoni dwar x’inhu l-episkopat, u dak li jippermetti Alla l-Imbierek minn dan l-episkopat. U llum ir-riflessjoni se nagħmilha fuq erba’ aspetti.

    L-ewwel, is-sejħa u l-għażla tal-Isqof, it-tieni, l-grazzja li Alla l-Imbierek jagħti biex din is-sejħa tikber fil-persuna tal-Isqof, frott tal-konsagrazzjoni tiegħu, it-tielet, il-fiduċja li Alla l-Imbierek ikollu fl-Isqof biex f’idejh iħalli l-merħla tiegħu, u r-raba’, l-awtorità li l-Isqof jirċievi mingħand Alla l-Imbierek nnifsu.

    Ġesù qalilna li hu jagħżel lil dawk li jrid li jkollhom ministeru fil-Knisja: “Mhux intom għażiltu lili imma jien għażilt lilkom, u għażilt lilkom biex intom tagħmlu ħafna frott” (ara Ġw 15, 16). U din il-kelma ta’ Ġesù hija tant qawwija għaliex Alla l-Imbierek ma jħarisx lejn l-uċuħ. M’hemm xejn li jfixklu milli jagħżel dak li, skont il-providenza tiegħu, huwa l-iktar bniedem adattat f’dak il-mument biex f’idejh iħalli l-merħla tiegħu. U mhux talli hekk, talli Alla l-Imbierek jagħmel li s-sejħa tkun ġejja mingħandu biex ħadd ma jiftaħar li hu ġie magħżul għal xi raġunijiet speċjali. Fil-fatt aħna nafu li Alla l-Imbierek, meta jagħżel lil xi ħadd, jagħżlu biex ikun verament persuna li kapaċi tmexxi lill-oħrajn lejn il-Mulej.

    It-tieni riflessjoni li xtaqt naqsam magħkom hija dwar l-konsagrazzjoni. L-Isqof jiġi kkonsagrat, u dan ifisser li l-Isqof irid jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu lil Alla għall-qadi tal-Knisja. Forsi ma jasalx għall-martirju bħalma għamel Ġesù u l-appostli tiegħU, imma ħajtu jrid jagħtiha totalment, u jagħtiha totalment mhux fil-ħidmiet tiegħu biss. Aħna ħafna drabi nħarsu lejn l-Isqfijiet mil-lenti tal-ħidmiet tagħhom, u niġġudikawhom minn dak li jagħmlu. Imma l-konsagrazzjoni hija ħafna iktar għolja minn hekk, il-konsagrazzjoni tfisser kif inhuma quddiem Alla, kemm huma qrib tiegħu bhala persuna sħiha. Il-konsagrazzjoni tfisser li l-Isqof isir ħaġa waħda mal-Mulej l-ewwel u qabel kollox, anke qabel il-ħidmiet tiegħu fid-djoċesi. Waqt l-ordinazzjoni, l-Ispirtu s-Santu jinżel fuq l-Isqof u jimlieh bil-grazzja tiegħu biex jgħix għalih totalment, u hekk ikun jista’ jaqdih. Nirringrazzjaw ’l Alla li l-Arċisqof, Mons. Mercieca, ta lilu nnifsu lil Alla b’dan il-mod erbgħin sena ilu, u aħna nafu li f’dawn l-erbgħin sena baqa’ jaqdi lill-Mulej fid-dawl tal-konsagrazzjoni tiegħu biex imexxi lilna ħalli ngħixu aktar qrib tal-Mulej Ġesù.

    It-tielet riflessjoni hija fuq il-fiduċja. Alla l-Imbierek jagħti l-fiduċja tiegħu lill-Isqof, għaliex hu jafdalu l-aktar ħaġa prezzjuża għalih: il-bnedmin uliedu. Sidna Ġesù Kristu, biex lill-Appostli jurihom b’liema mod huma jridu jieħdu ħsieb il-bnedmin, jagħmel paragun man-nagħaġ u r-ragħaj. Ir-ragħaj li n-nagħaġ jisimgħu minnu għax jafu li jħobbhom u lest li jagħti ħajtu għalihom. Ġesù huwa r-Ragħaj il-kbir biex aħna l-Isqfijiet inkunu rgħajja bħalu, u nimxu fuq il-passi tiegħu. Meta aħna ngħixu l-konsagrazzjoni tagħna u nfittxu li nkunu ħaġa waħda miegħu, allura hu jafdana biex nieħdu ħsieb in-nagħaġ tiegħu.

    Ir-raba’ riflessjoni li xtaqt naqsam magħkom hija dwar l-awtorità. Alla l-Imbierek, lil kull Isqof jagħtih żewġ forom ta’ awtorità. L-ewwel forma hija dik ta’ mexxej – l-awtorità ġerarkika – biex hu jmexxi lill-Knisja, id-djoċesi tiegħu. It-tieni, lill-Isqof, il-Mulej jagħtih l-awtorità wkoll fuq il-mezzi li jwasslu lill-bnedmin lejn Alla l-Missier. Din hi l-awtorità spiritwali. Din hija l-awtorità li Alla l-Imbierek jagħti lill-Isqof, mhux biżżejjed li jeżerċitaha, imma jrid jeżerċitaha bħal Sidna Ġesù Kristu. Sidna Ġesù Kristu qal: “Jiena ta’ qalb ħelwa u umli”. Jiġifieri l-Isqof ma jistax jifred il-mixja tiegħu spiritwali ta’ qdusija mit-tmexxija organizzattiva tad-djoċesi, ma jistax jifridhom! Jiġifieri anke meta hu jkun qiegħed jagħmel xi għemil li iktar jippartjeni lid-djoċesi, huwa jrid bilfors jara dak li qal Ġesù, ma jistax jinsa t-triq tiegħu tal-qdusija, biex hekk ikun jista’ jimxi bħal Sidna Ġesù Kristu fl-eserċizzju tal-awtorità mogħtija lilu minn Kristu.

    Jiena nixtieq li llum nirringrazzja lill-E.T. l-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca, nirringrazzjah għaliex dawn l-elementi kollha stajna narawhom fih. Nirringrazzjah ta’ dawn is-snin li għamel magħna fis-servizz tal-Knisja f’Malta, u li kien eżempju ta’ dak li jrid il-Mulej minn kull Isqof. Nieħdu din l-okkażjoni wkoll biex nixtiqulu, jiena f’isimkom, ad multos annos.

    ✠ Pawlu Cremona O.P.
    Arċisqof ta’ Malta