• L-Arċisqof Charles J. Scicluna O.P. ħatar lil Mons. Dun Karm Farrugia bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Balzan.
      Dun Karm Farrugia twieled fit-8 ta’ Mejju 1950. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja f’Ħal Qormi (San Ġorġ), l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċeo tal-Ħamrun, u l-edukazzjoni post-sekondarja fil-Junior College (fil-bini tal-Università l-Qadima), il-Belt Valletta. Kompla l-istudji terzjarji (Filosofija u Teoloġija) fil-Fakultà tat-Teoloġija, fl-Università ta’ Malta.
      Dun Karm ġie ordnat saċerdot fid-19 ta’ Ġunju 1977. Beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-parroċċa ta’ Bormla, u kompla bħala viċi-arċipriet fil-parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi. Fl-1983 inħatar kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq, fl-1989 inħatar arċipriet tal-parroċċa taż-Żejtun, u fl-1997 inħatar arċipriet tal-parroċċa taż-Żurrieq. Fl-2006 ngħata l-inkarigu ta’ assistent delegat għall-Ħidma Soċjali u ta’ Karità fil-Caritas Malta fejn serva sal-2014. Fl-2007 nħatar membru tal-Kapitlu Metropolitan. Mill-2008 huwa l-assistent ekkleżjastiku tal-Istitut Sekolari Spigolatrici Della Chiesa, u minn Lulju 2014 beda jaqdi dmirijiet spiritwali f’Dar Kenn Għall-Saħħtek, l-Imtarfa.
      Il-parroċċa ta’ Ħal Balzan tiġbor fiha madwar 3,800 persuna f’1,400 familja.