• Nhar l-Erbgħa, 15 ta’ Lulju 2015, ġewwa Dar l-Emigrant, l-E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna ltaqa’ mal-missjunarji Maltin. Din is-sena l-Arċisqof iltaqa’ ma’ ħdax -il missjunarju li qegħdin Malta f’dan iż-żmien. Il-missjunarji li kienu preżenti għal-laqgħa ġejjin minn diversi pajjiżi fosthom: Kenja, Filippini, Eġittu, Pakistan, Benin u anke familja membri tal-Mixja Neokatekumenali li jagħmlu ħidma missjunarja ġewwa l-Olanda. Matul din il-laqgħa huma spjegaw il-ħidma varjata u missjunarja tagħhom f’dawn il-pajjiżi. Taw rendikont tal-isfidi kif ukoll tal-ferħ li ġġib magħha l-ħidma missjunarja.

    Wara l-Arċisqof wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma tagħhom li qed jagħmlu għall-Knisja ‘l bogħod minn xtutna. Filwaqt li inkoraġġihom quddiem l-isfidi li huma qed jesperjenzaw talabhom ikomplu jkunu xhieda tal-fidi tagħhom kif ukoll li nitolbu għall-aktar vokazzjonijiet missjunarji.