"The Church an instrument of pastoral mediation" - Message by Bishop Mario Grech during the Synod of Bishops

  • L-intervent li l-Isqof Mario Grech għamel nhar is-Sibt 10 ta’ Ottubru 2015, kmieni wara nofsinhar, fil-preżenza tal-Papa Franġisku u tal-Isqfijiet, waqt l-Erbatax-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li qed tiltaqa’ fl-Awla Sinodali, fil-Vatikan.  It-tema ta’ dan is-Sinodu hi “Il-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja fil-Knisja u fid-dinja tal-lum”.
     
    Għalkemm ħadd ma jista’ jitfi fil-bniedem il-bżonn li jidħol f’relazzjoni stabbli ta’ mħabba mal-persuna li jkun iħobb, huwa fatt li mhumiex ftit dawk li qed jegħjew iġorru l-piż ħelu taż-żwieġ u l-familja.
     
    Fost dawn hemm dawk li jħossuhom ittraduti mix-xjenzi umani, mill-politika u l-ekonomija.  Imma hemm ukoll dawk li huma sfiduċjati fil-Knisja għaliex jidhrilhom li fostna hemm min jagħti importanza aktar lill-prinċipji milli lill-persuna fil-konkretezza tal-ħajja.  Huma jinnutaw li fil-linji gwida li toffri l-komunità ekkleżjali fil-kuntest taż-żwieġ u l-familja, hemm insistenza aktar fuq “il-morali normattiva” (biex ikunu obduti l-liġijiet, il-kmandamenti u r-regoli dixxiplinari) milli fuq “il-morali tal-virtù”, fejn il-bniedem li hu maħtuf mill-ġmiel u t-tjubija tat-tajjeb, jassumi “atteġġjamenti virtużi” u bil-mod il-mod jersaq lejn il-perfezzjoni.  Kif tistqarr il-Kummissjoni Biblika Pontifiċja, “il-valuri u l-virtujiet li jgħinu lill-bniedem jgħix ir-rieda ta’ Alla għandhom ikunu pprattikati sakemm huwa possibbli anki fiċ-ċirkustanzi fejn hemm id-dnub u n-nuqqas ta’ perfezzjoni fil-ħajja attwali, kif insibu fil-parabboli tax-xibka u ta’ dak li ħareġ jiżra’” (Bibbia e morale, radici bibliche dell’agire morale, 2008, 43).
     
    Għalhekk, bħala Knisja, ma għandna nehdew qatt inxandru l-verità Evanġelika dwar il-ħajja taż-żwieġ u l-familja u noffru kull opportunità biex kemm il-bniedem u kemm is-soċjetà jiskopru u jgħożżu l-ġmiel taż-żwieġ naturali kif ukoll taż-żwieġ sagrament li, meta huwa ċċelebrat sewwa, għandu rabta eterna; imma kkunsidrata l-kriżi antropolġika li għandna llum, il-Knisja hija msejħa wkoll biex, fuq l-eżempju ta’ Mosè u tal-Appostlu Pawlu (1 Kor 7), tkun strument ta’ medjazzjoni pastorali bejn l-ideali taż-żwieġ kif espressi fin-normi attwali u l-bniedem dgħajjef.
     
    It-tradizzjoni tal-Knisja fl-Orjent, filwaqt li bil-prinċipju tal-akribeia tosserva li ż-żwieġ sagrament huwa indissolubbli, bit-tħaddim tal-prinċipju tal-oikonomia twettaq dik il-medjazzjoni pastorali fi spirtu ta’ kondixxendenza, partikularment meta l-bniedem ikun f’qagħda irreversibbli.  Il-loġika tal-oikonomia hija l-loġika tal-approssimazzjoni tas-sitwazzjoni imperfetta mal-ideal fil-każ partikulari.  Kull azzjoni umana hija f’tensjoni lejn l-ideali u għalhekk approssimazzjoni lejh.  Ħajja moralment tajba ma tfissirx li l-bniedem huwa perfett, imma timplika l-impenn u t-taqbida ta’ min jemmen biex jilħaq il-perfezzjoni.  Permezz tal-oikonomia fil-każ konkret issir eċċezzjoni għar-regola, għax kieku l-istess regola kellha tkun applikata b’mod riġidu (akribeia), aktar tagħmel deni milli ġid.  Kif josserva t-teologu Basilio Petra’, Origene “jammetti li din il-medjazzjoni pastorali tista’ ssir anki jekk twassal biex jidher li hemm kontradizzjoni mal-liġijiet.  Għal Origine, is-setgħa pastorali tar-ragħajja mhix hemm sempliċement għas-servizz tal-liġi, imma għall-ġid tan-Nisrani, u ma tistax tinsa l-qagħda konkreta li fiha jkun jinsab in-Nisrani” (Divorzio e seconde nozze nella tradizione greca, 85).
     
    Ir-rabta bejn l-akribeia u l-oikonomia tixbah ir-rabta bejn il-ġustizzja mifhuma bħala l-osservanza tal-liġi u l-ħniena pastorali.  Dawn mhumiex żewġ aspetti kontra xulxin, imma huma żewġ dimensjonijiet ta’ realtà waħda li tiżviluppa bil-mod il-mod sakemm tilħaq il-qofol tagħha fil-milja tal-imħabba.  Kif jinnota l-Papa Franġisku, il-viżjoni li l-Israelita tajjeb huwa biss dak li joqgħod għall-kmandamenti ta’ Alla “mhux darba jew tnejn wasslet lill-bniedem biex jaqa’ fil-legaliżmu, għax tilef is-sens oriġinarju u dallam il-valur profond li għandha l-ġustizzja.  Biex nissuperaw din il-perspettiva legalista, jeħtieġ niftakru li fl-Iskrittura Mqaddsa l-ġustizzja hi essenzjalment mifhuma bħala abbandun fiduċjuż f’idejn ir-rieda ta’ Alla…  Is-sejħa għall-osservanza tal-liġi ma tistax tnaqqar mill-attenzjoni lejn il-ħtiġijiet li jmissu d-dinjità tal-persuna” (Misericordiæ vultus, 20).
     
    Biex naraw din il-bidla fil-paradigma tat-teoloġija morali, hija meħtieġa aktar attenzjoni biex ma noftmux id-duttrina mir-realtà konkreta.  Fi kliem il-Papa Franġisku, “din ir-rabta bejn id-duttrina u l-pastorali mhix għażla libera, imma neċessarja jekk irridu li t-teoloġija tkun waħda ekkleżjali”.[1]  Jekk nirriduċu t-teoloġija għal “sistema magħluqa”, it-teoloġija ssir ideoloġija.  Meta t-teoloġija ssir ideoloġija, in-Nisrani jitlef il-fidi u ma jibqax dixxiplu ta’ Ġesù.  “Irridu noqogħdu attenti li l-għarfien tagħna ta’ Ġesù ma nirrenduhx għarfien ideoloġiku jew normattiv u hekk nagħlqu l-bieb b’ħafna liġijiet”.[2] 

     
    ✠ Mario Grech
         Isqof ta’ Għawdex  
         President tal-Konferenza Episkopali Maltija
     

    [1] Messaggio al Congresso Internazionale di Teologia presso la Pont. Univ. Cattolica Argentia, Buenos Aires, 1-3 settembre 2015.
    [2] Omelia, 17 ottobre 2013.