• L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Walter Cauchi bħala kappillan tal-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun.

      Dun Walter Cauchi twieled f’Birkirkara fit-3 ta’ Frar 1951. Huwa ġie ordnat saċerdot fid-19 ta’ Ġunju 1977.

      L-ewwel ħidma pastorali ta’ Dun Walter kienet bħala viċi-kappillan f’Ħal Għargħur. Fl-1978 huwa sar viċi-kappillan f’Bormla. F’Diċembru 1981, Dun Walter Cauchi inħatar kappillan tal-Parroċċa tal-Gżira. F’Jannar 1990 ġie nominat kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien. F’Novembru tal-1995 inħatar kappillan tal-Parroċċa ta’ San Bastjan, Ħal Qormi, u minn Awwissu tal-2008 serva bħala kappillan tal-Parroċċa f’Wied il-Għajn.

      Il-parroċċa ta’ San Gejtanu tiġbor fiha madwar 6,000 persuna f’2,100 familja.