• ***

    Direttur: Vincent Kesteloot
    Atturi: (vuċijiet ta’) Ron Allen, George Babbit, Laila Berzins, David Howard
    Ħin: 90 minuta
     
    Maħruġ minn KRS Releasing Limited.
     
    Klassifika tal-Gvern: PG
    Klassifika tal-Knisja: PG
     
    Fuq gżira żgħira eżotika jgħix Mak, pappagall soċjali ħafna, flimkien ma grupp ta’ annimali ħbieb tiegħu, fosthom mogħża, kamaleonti, porcupine u tapir. Mak, madankollu, ikun jixtieq ħafna li jiskopri d-dinja lil ‘l hinn mill-ġenna tal-art fejn jgħix. Wara tempesta qalila Mak u sħabu jsibu kreatura stramba fuq ix-xatt: Robinson Crusoe. Mak mall-ewwel jara fi Crusoe dak li permezz tiegħu se jkun jista’ jitlaq mill-gżira u jesplora artijiet ġodda. Minn naħa l-oħra, Crusoe malajr jirrealiżża li jista’ jkampa fuq dik il-gżira biss bl-għajnuna ta’ Mak u l-annimali l-oħra. Lil Mak jibda jsejjaħlu Tuesday. Għall-ewwel Crusoe mhux dejjem isibha ħaġa faċli li jikkumunika ma’ Tuesday u sħabu għax dawn ma jitkellmux bħal bnedmin. Imma bil-mod il-mod jibdew jgħixu flimkien f’armonija, sakemm ġurnata waħda ħajjithom tinqaleb ta’ taħt fuq bil-wasla ta’ żewġ qtates selvaġġi li jkunu jridu jieħdu taħt idejhom il-kontroll tal-gżira. Tfaqqa’ battalja bejn il-qtates u l-grupp ta’ ħbieb, iżda Crusoe u sħabu, kobtra kull mistenni, malajr jiskopru l-qawwa vera tal-ħbieberija, anke ma qtates selvaġġi.
    Film t’avventura animat fi 3D minn nWave Pictures tal-Belgju. Għalkemm fih karattru jismhu Robinson Crusoe li jispiċċa fuq gżira tropikali, il-film mhux bbażat fuq il-ktieb ċelebri ta’ Daniel Defoe. Huwa film ikkulurit u pjaċevoli, b’element ta’ umoriżmu, immirat l-aktar għaż-żgħar. Minħabba xeni ta’ vjolenza u ta’ periklu tajjeb li t-tfal iż-żgħar ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.