• Caritas Malta fetħet uffiċjalment binja li għadha kif ġiet rinovata li fiha se tilqa’ tfajliet, nisa u ommijiet li qed isegwu programm residenzjali ta’ riabilitazzjoni mid-droga.
    Is-Sur Leonid McKay f’kelmtejn tal-okkażjoni qal li din kienet ħolma ta’ ħafna snin li n-nisa jkollhom post residenzjali kif jixraqilhom. Għal diversi xhur saru diversi laqgħat biex anki jiġi ddentifikat il-post,  anki saru laqgħat ma’ tim magħżul ta’ esperti fil-qasam biex il-programm jevolvi għaż-żminijiet tal-lum. “Dan mhuwiex servizz ġdid li qed inniedu anzi tajjeb ngħid li n-nisa ilhom jieħdu servizz kontra l-abbuż tad-droga minn meta l-ewwel darba infetaħ ċentru ta’ riabilitazzjoni madwar tletin sena ilu, imma illum qed ninawguraw binja li se jkollha l-ispazju meħtieġ fejn in-nisa se jkunu jistgħu jaħdmu fuqhom infushom, fi struttura adekwata u xierqa”, qal is-Sur Mckay filwaqt li kompla jispjega li l-binja li qed tiġi inawgurata rat diversi servizzi u programmi tal-Caritas fil-passat u l-aħħar li kienet qed tiġi utilizata bħala xelter għall-irġiel qabel jidħlu fl-istruttura ta’ programm f’San Blas.
    L-istatistika turi li fl-2015 kien hemm żieda gradwali ta’ nisa li resqu lejn is-servizzi tal-Caritas u 18-il mara għaddew mill-programm strutturali. Illum l-istruttura tieħu madwar 13-il sodda u l-programm se jippermetti li jsiru modi ġodda ta’ riabilitazzjoni. Diversi residenti jiġu għall-programm waqt li qed jiskontaw sentenza relatatta mad-droga fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u wkoll persuni li jkunu qed jieħdu kura fl-Isptar Monte Karmeli fiz-zona magħrufa DDU – Dual Diagnosis Unit.  
    Is-Sur Leonid McKay introduċa lill-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Fondazzjoni għar-Riabilitazzjoni tad-droga. Dawn huma: il-President Emeritus George Abela, is-Sur Anġlu Fenech, is-Sur Joe Gatt, Is-Sur Mario Grech, Is-Sur Franco Masini, Prof Janet Mifsud, Is-Sur Maurice Xuereb u Is-Sur Winston Zahra. Is-Sur McKay irringrazzjahom tal-ħidma u s-sapport tagħhom biex is-servizzi tal-Caritas jibqgħu jiġu aġġornati għaż-żminijiet tal-lum.
    • Finalment id-Direttur tal-Caritas irringrazzja lis-Sur Anthony Gatt, il-Kordinatur tal-programmi tar-riabilitazzjoni mid-droga, lis-Sa Nancy Scerri li tmexxi l-programm tan-nisa u lill-istaff tad-dar. Irringrazzja wkoll  lill-isponsor ta’ dan il-proġett fosthom lill-Perit Karl Ebejer, Dr Luke Frendo u d-disinjatur s-Sur Sean Mayl. Lit-tim kollu tal-programm Xarabank li eżatt sena ilu kien iddedika programm ta’ ġbir għal din il-binja u lil dawk kollha li dakinhar taw id-donazzjoni tagħhom għax emmnu f’dan il-proġett.
      Il-Ministru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, l-Onorevoli Michael Farrugia inawgura d-dar u Monsinjur Victor Grech bierek il-binja u lil dawk preżenti. “ Illum qed naqtgħu l-frott ta’ ħafna sagrifiċċji u l-ħolma tal-Monsinjur Victor Grech u tal-kumplament tal-istaff kollu tal-Caritas għal ħafna snin u nittama li din l-okkażjoni tal-lum se sservi biex ħafna iktar nisa vulnerabbli li qed isofru minn din il-problema tad-droga,  jagħmlu l-kuraġġ u jersqu lejna u bla dubju li se ssibu il-bieb miftuħ beraħ”,  temm jgħid is-Sur Leonid McKay waqt li ppreżenta l-isem tad-dar lil-residenta  – Et Iris, qawsalla bil-lingwa latina.