• ***

    Diretturi: Fergal Reilly, Clay Kaytis
    Atturi: (vuċijiet ta’) Jason Sudeikis, Sean Penn, Josh Gad, Maya Rudolph
    Ħin: 97 minuti
    Maħruġ minn KRS Releasing Limited
    Klassifika tal-Gvern: U
    Klassifika tal-Knisja: UPG
     
    Fi gżira li jgħixu fiha għasafar biss, għasafar li għal xi raġuni ma’ jtirhux, il-ħajja hi fil-biċċa l-kbira trankwilla u kuntenta. Red hu l-uniku għasfur li jħossu barra minn postu f’dil-gżira minħabba li ma jaħsibiex bħall-oħrajn u jitlagħlu malajr. Għalhekk jiġi ordnat mill-qorti jattendi klassijiet immexxijin minn Matilda biex jitgħallem jikkontrolla r-rabja tiegħu. Sħabu fil-klassi jinkludu lil Chuck, kanarin isfar bla kwiet f’ġismu, Bomb, għasfur iswed li jdum jissaporti imma mbagħad jisplodi f’daqqa, u Terence, għasfur kbir, b’saħħtu, imma li bil-kemm jitkellem. Ġurnata waħda fil-gżira jasal vapur armat sew, immexxi mill-qasquż aħdar Leonard, li jintroduċi fil-gżira teknoloġija ġdida. Meta Leonard u l-qżieqeż l-oħra li jkunu miegħu jibdew jippjanaw biex jagħmlu party kbir għall-għasafar, Red jibda jissusspetta ħażin u jkollu raġun, għax il-qżieqeż kienu qedin jisirqu dak li hu l-iktar għażiż għall-għasafar, il-bajd tagħhom. Red jieħu miegħu lil Chuck u Bomb u jmur ifittex lil Mighty Eagle, l-uniku għasfur li jtir. Mbagħad imexxi rewwixta kontra l-qżieqeż u juża’ kontra tagħhom l-armamenti li jkunu ħallew warajhom.
    Film animat ibbażat fuq is-serje ta’ video games tal-istess isem tad-ditta finlandiża Rovio. Huwa film interessanti u kkulurit u umoristiku, u jappella l-aktar għat-tfal żgħar, minkejja li fih perjodi twal ta’ djalogu assurd u ċajt baxx u doppju sens. Il-messaġġ ċentrali tal-film jidher li huwa li wieħed irid joqgħod attent mill-istranġieri u ma jafdax lil emigranti. Il-film fih temi adulti, vulgarita’ u xeni ta’ vjolenza. Importanti li t-tfal żgħar ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.