• Is‑saċerdoti djoċesani u reliġjużi, flimkien mal‑Arċisqof Charles J. Scicluna, attendew għal Kors ta’ Aġġornament li sar fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, tal‑Virtù. Dan il‑kors ta’ aġġornament teoloġiku u pastorali għall‑kleru beda nhar it‑Tnejn 23 u ġie fi tmiemu llum, il‑Ħamis 26 ta’ Mejju 2016.
    L‑għan ewlieni ta’ dan il‑kors kien li joffri lis‑saċerdoti opportunità ta’ riflessjoni, diskussjoni u djalogu dwar temi kurrenti relatati mat‑teoloġija, mal‑ħidma pastorali tal‑saċerdot, u b’riflessjonijiet personali meħuda mill‑personaġġi bibbliċi ta’ Mosè, David, u Marija ta’ Magdala.
    Fl‑aħħar jum, l‑Arċisqof tkellem mas‑saċerdoti dwar l‑applikazzjoni Pastorali tal‑Eżortazzjoni Appostolika tal‑Papa Franġisku, Amoris Laetitia. Tkellem fuq ir‑responsabbiltà tas‑saċerdot li wieħed jara “l‑ewwel it‑tajjeb li hemm” fis‑sitwazzjonijiet differenti li qed jgħixu n‑nies bħalissa, speċjalment fil‑familji. Saħaq li wieħed għandu juża l‑ħniena ma kull membru tal‑merħla u ma jkunx esklussiv għal xi parti minnhom. L‑Arċisqof qal li meta wieħed jevanġelizza, għandu jressaq lil persuna lejn Ġesù u mhux lejh innifsu.
    L‑Arċisqof qal li l‑laqgħat dwar dan id‑dokument għandhom jitkomplew ħalli s‑saċerdoti jifhmu iktar il‑kelma tal‑Papa Franġisku u jkunu qalb waħda miegħu.
    Il‑kelliema kienu jinkludu lir‑Rev. Prof Emmanuel Agius, Fr. Mark Cachia SJ, Fr Savio Vella SDB, Rev. Dr Jimmy Bonnici, Rev. Dr Paul Sciberras, Sur Tonio Caruana SDC, Dr Stefano M. Attard, Prof Anthony Frendo, Rev. Dr Martin Micallef OFMCap, Ms Anna Cappello, Dr Nadia Delicata u Rev. Dr Kevin Schembri.
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja