• ****

    Direttur: Stephen Hopkins
    Atturi:  Stephan James, Jeremy Irons, William Hurt, Jason Sudeikis
    Ħin: 134 minuti
     
    Maħruġ minn KRS Releasing Limited.
     
    Klassifika tal-Gvern: PG
    Klassifika tal-Knisja: PG
     
    Fl-1933 Jesse Owens, żgħażugħ iswed, jibda jattendi Ohio State University. Huwa juri li hu atleta kbir u ħadd ma’ jgħaddih fil-ġiri. Il-coach tiegħu, Larry Snyder, mill-ewwel jipproponi li jittrejnah għall-logħob olimpiku tal-1936 li kellhom isiru fil-Germanja. Iżda jkun hemm problema: il-president tal-kumitat olimpiku Amerikan, Jeremiah Mahoney, ikun irid li l-Istati Uniti ma tieħux sehem fil-logħob li jmiss bħala protesta kontra r-reġim Nażista ta’ Hitler li jkun qed jiġi gglorifikat bil-films ta’ propaganda magħmulin minn Leni Riefenstahl. Avery Brundage, żviluppatur kbir u li qabel kien atleta olimpiku, jopponi lil Mahoney u jaċċetta li jmur Berlin u jiltaqa’ ma’ Joseph Goebbels, il-propogandista tan-Nażi li jkun irid li l-logħob Olimpiku jservu biex in-Nażismu jiġi aċċettat minn madwar id-dinja. Brundage jilħaq ftehim ma’ Goebbels biex iħalli lill-atleti Lhud u suwed jieħdu sehem fil-logħob Olimpiku. Wara li jintlaħaq dan il-ftehim, Owens jibda jittrenja bl-ikbar serjeta’. Hekk kif il-fama tiegħu bdiet tikber beda jkollu wkoll dejjem iżjed pressjoni biex ma jieħux sehem fil-logħob Olimpiku ġewwa Berlin bħala protesta għal mod kif in-Nażisti jkunu qed jittrattaw lis-suwed. Huwa jimmissja wkoll it-tfajla tiegħu, Ruth, li tibqa’ d-dar tieħu ħsieb it-tarbija tagħhom. Fil-logħob olimpiku ta’ Berlin Owens jibbrilla u jirbaħ erba’ medalji tad-deheb. Hemmhekk jagħmel ħbieb ukoll ma’ atleta ġermaniż, Carl “Luz” Long, u l-ħbiberija tagħhom tkompli għal ħafna żmien wara li spiċċaw il-logħob olimpiku.
     
    Film drammatiku u biografiku dwar Jesse Owens u joħloq tajjeb ħafna l-ambjent u l-atmosfera tal-logħob olimpiku ta’ Berlin 1936. Stephan James, bħala Jesse Owens, jaħdem parti tajba ħafna, kif ukoll l-atturi l-oħrajn. Id-direttur, Stephen Hopkins, jesplora tajjeb ħafna iż-żewġ tifsiriet tal-kelma ‘Race’: juri l-ġlieda personali ta’ Owens kontra r-razziżmu f’pajjiżu, filwaqt li juri wkoll il-ħila tiegħu bħala atleta. Il-film fih xi temi adulti, tqala barra iż-żwieġ, u xi kliem ħażin. It-tfal għandhom ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.