• ****

    Direttur:Alex Proyas

    Atturi: Nikolaj Coster-Waldau, Brenton Thwaites, Chadwick Boseman, Elodie Yung, Courtney Eaton, Rufus Sewell, Geoffrey Rush u Bryan Brown
    Ħin tal-Film: 127 min
    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
    Tant żmien ilu meta  l-allat kienu jgħixu qalb il-bnedmin u l-Eġittu kien jiddomina fid-dinja magħrufa ta’ dak iż-żmien, l-allat kienu jiddistingwu ruħhom bit-tul tagħhom, demmhom deħebi, kif ukoll li kienu jistgħu jinbidlu f’ras ta’ annimal. Beck, ħalliel gwab u li ma kienx jemmen wisq bl-allat,  kien iħobb bi mħabba tal-ġenn lil Zaya. Flimkien kienu qegħdin jattendu l-inkurunazzjoni ta’ Horus, mulej tal-arja wara li missieru Osiris, Re tal-Eġittu, minn jeddu kien qiegħed jabdika favur ibnu. Waqt iċ-ċerimonja,  Osiris jiġi maqtul minn ħuh Set, alla tad-deżert,  mhux biss jaħtaf it-tron iżda jiddikjara reġim ġdid fejn il-mejtin ikollhom iħallsu flus kbar biex jidħlu għall-ħajja ta’ dejjem. Horus ukoll jitlef għajnejh kif ukoll saħħtu. Għalkemm Set ma qatlux iżda jiġi eżiljat, Hathor stess issir skjava ta’ Set. Tgħaddi sena u nsibu lil Bek jaħdem bhala skjav fuq il-monument li Set ried jibni f’ġieħ l-alla Ra. Minnaħa  l-oħra,  Zaya, il-maħbuba ta’ Bek, saret l-iskjava tal-perit ewlieni Urshu. Zaya kienet temmen li l-uniku wieħed li seta’  jsalva l-Eġittu kien Horus. Hi jirnexxielha takkwista l-pjanta ta’ fejn Urshu kien iżżomm it-teżori tas-saltna fosthom għajn Horus. Zaya tagħti din il-pjanta lil Bek li jirnexxielu b’ħila kbira jisraq l-għajn. Meta Urshu jinduna, Bek u Zaya jkollhom jaħarbu iżda waqt il-ħarba, Urshu jirnexxielu joqtol lil Zaya. Bek imur u jsib lil Horus u jagħmel patt miegħu li jekk itih lura għajnejh, Horus ikun jista’ jġib lura għall-ħajja lil Zaya. Minn hawn tibda avventura kontra l-ħin. Horus u Bek mhux biss ikollhom jiġu wiċċ imbwiċċ ma’ ħafna diffikultajiet u perikli, iżda l-aktar kienet l-oppozizzjoni li Set u Urshu kienu sejrin  joffrulhom. X’jiġri minn hawn? 

    Film ta’ fantaxjenza, b’għadd ta’ avventuri u xenarju mill-isbaħ, bi storja interessanti fejn nassistu għal gwerra bejn l-allat, Set, alla tad-deżert jeħodha b’qilla kbira kontra ħuh Osiris, Re-alla  tal-Eġittu  li kien qiegħed jabdika favur ibnu, Horus. Bek, uman jidħol fil-qalba tal-battalja biex mhux biss isalva r-renju tal-Eġittu iżda wkoll lill-maħbuba tiegħu Zaya. Minħabba xeni qawwija li jistgħu jaffettwaw lit-tfal żgħar, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.