• ***

      Diretturi: Michael Thurmeier, Galen Tan Chu
      Atturi: (vuċijiet ta’) Ray Romano, John Leguizamo, Queen Latifah
      Ħin: 94 minuti
       
      Maħruġ minn KRS Releasing Limited.
       
      Klassifika tal-Gvern: U
      Klassifika tal-Knisja: UPG
       
      Scrat, l-isquirrel b’sinna qiesa xabla, jkun f’art kollha silġ jipprova jaqbad ġandra (acorn) li dejjem tiżgiċċalu. Fl-aħħar il-ġandra taqa’ bejn il-lever mekkaniku li jħaddem flying saucer li jkun iffriżat fis-silġ. X’ħin Scrat jolqot il-lever il-flying saucer jispara fl-ispazju u joħloq il-big bang, bil-pjaneti jitferrxu ‘l hawn u ‘l hemm. Sadanittant, hawn isfel fid-dinja pre-istorika miksija bis-silġ, il-ħbieb antiki, Sid, Diego, Manny, Ellie, u l-oħrajn, jkunu qed jgħadduha tajjeb. Manny, l-iljunfant enormi kannella, ma tantx ikun kuntent li bintu, Peaches, se tiżżewweġ lil Julian li se jeħodlu lil bintu l-bogħod. Iżda din tkun problema żgħira ħdejn il-minaċċja mis-sema li ħoloq Scrat u li qiegħda thedded l-eżistenza tad-dinja. Miċ-ċaqliq li kkawża Scrat fil-pjaneti xita ta’ metjoriti bdiet niżla lejn id-dinja. Iżda ħaġa aktar serja minn hekk hija li asteroide enormi tkun ġejja b’veloċita’ kbira fid-direzzjoni tad-dinja. Ikun Buck, il-ballottra (weasel) b’għajn waħda, li jgħaraf l-għawġ li  jkun ġej u kif jistgħu jevitawh; huwa jgħid lil annimali l-oħra biex jitilqgħu lejn il-wied fejn il-meteoriti kienu se jaqgħu għax dawn joħolqu spazju manjetiku li jiġbed lejh u fl-istess ħin ibiddel id-direzzjoni tal-asteroide.
      Film animat, il-ħames wieħed fis-serje ‘Ice Age’. Ilaqqagħna mal-persunaġġi /annimali li drajnihom fil-films ta’ qabel, imma wkoll ma’ oħrajn ġodda. Jittratta t-theddida mill-ispajzu għall-eżistenza tad-dinja kif nafuha. Film divertenti, b’mod speċjali għaż-żgħar. Minħabba xi xeni ta’ theddid nissuġġerixxu li tfal żgħar ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.