• ***

    Direttur: Paul Feig
    Atturi: Melissa McCarthy, Kristen Wiig, Kate McKinnon, Leslie Jones, Charles Dance, Michael Kenneth Williams, u Chris Hemsworth
    Ħin tal-Film: 116 min
    Maħrug minn KRS Releasing Ltd.
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A     
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
     
    Erin Gilbert u Abby Yates huma żewġ iħbieb li flimkien kitbu ktieb fuq il-fantażmi u fih taw provi biżżejjed li dawn kienu tassew jeżistu. Jgħaddu ftit tas-snin u Erin Gilbert, illum il-ġurnata tinsab tgħallem il-fiżika ġewwa l-Universita’ ta’ Colombia. Sfortunatament, il-ktieb li darba kienet kitbet ma’ ħabibta reġa’ sab postu għal bejgħ fuq l-internet. Yates li kompliet l-istudju tagħha fuq il-fantażmi, iddeċidiet li tagħmel dan. Dan il-pass li għamlet Yates kellu riżultat negattiv fuq Gilbert għaliex sabet ruħha rredikolata minn sħabha fuq ix-xogħol tant li anke tkeċċiet u tilfet  postha fl-Universita’. F’dan iż-żmien, New York tiġi invażada b’eluf ta’ fantażmi. Gilbert terġa’ tingħaqad ma’ Yates li flimkien ma’ Jillian Holtzmann, enġinier nukleari u Patty Tolan li kienet taħdem fis-subway u li kellha esperjenza hi stess ta’ fantażma fejn kienet taħdem. Magħhom daħħlu jaħdem, bħala segretarju, lil Kevin hekk kif dawn l-erba’ poġġew l-enerġija kollha tagħhom biex jitqabbdu mal-fantażmi u hekk issalvaw id-dinja minn katastrofi. Biex ikunu jistgħu jwettqu din il-missjoni, Patty issellfet il-karozza tal-mejtin minn għand zijuha. Dawn il-Ghostbusters, kif saru magħrufin, kellhom jagħmluh billi jiġu wiċċ imb wiċċ ma’ Rowan, demonju ta’ ħażen u ta’  qawwa sopranaturali u li kellu l-ħila jikkontrolla kull forma umana. Tgħid jirnexxielhom fil-missjoni tagħhom? Mhux sejra tkun faċli iżda l-ħeġġa tagħhom żgur kienet sejjra tegħleb kull ostaklu!
    Film Amerikan, bi 3D, kummiedja ħelwa li għandu jogħġob lil ħafna. Ħafna jiktakru l-film bl-istess isem  li ħareġ fis-sena 1984 u li kien hemm ieħor li segwih fl-1989, bl-isem ta’ Ghostbusters II.  Minħabba ċajt goff, tema tal-okkult l-aktar kif jiġi ttrattat, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax–il sena.