• ***

    Direttur: Henry Joost

    Atturi: Emma Roberts, Dave Franco, Emily Meade, Miles Heizer
    Ħin: 96 minuti
     
    Maħruġ minn KRS Releasing Limited.
     
    Klassifika tal-Gvern: 15

    Klassifika tal-Knisja: 15
     
    ‘Nerve’ huwa app ta’ logħba tal-computer; meta xi ħadd jiftah din l-app jingħata għażla: jew li jkun ‘watcher’ jew li jkun ‘player’. Il-watchers iridu jħallsu subscription fee filwaqt li l-players jitħallsu mill-flus li jħallsu l-watchers. Il-watchers jivvotaw dwar dak li l-players huma mistennija jagħmlu, filwaqt li l-players ikollhom l-għażla li jaċċettaw jew ma jaċċettawx kwalunkwe sfida; jekk ma jaċċettawx xi sfida ma jkunux jistgħu ikomplu jilgħabu. Jekk iwettqu l-isfida jingħataw somma flus u jkollhom l-għażla li jgħaddu għal sfida oħra. Kemm ikunu ‘l quddiem fil-lista ta’ dawk li jkunu qed  jilgħabu jiddependi minn kemm watchers ikunu qedin isegwuhom. Il-players huma marbutin li ma jitkellmu ma ħadd dwar x’ikunu qedin jagħmlu.
    Venus ‘Vee’ Delmonico hija studenta f’Junior College fi New York. Wara li l-aqwa ħabiba tagħha Sydney tiġġieled magħha, Vee tiddeċiedi li tieħu sehem f’din il-logħba bħala ‘player’. L-ewwel sfida li tingħatha tkun li tbus xi stranġier f’restaurant; dak li tgħażel li tbus mhux biss iħalliha iżda jibqa’ jsegwiha u jinkoraġġiha biex tkompli taċċetta sfidi oħra, li dejjem isiru aktar perikolużi. Hi u s-sieħeb tagħha, li jkun ukoll lagħab din il-lobgħa, jinġibdu lejn xulxin. Għall-aħħar sfida, li tkun bejn ħajja u mewt, is-sieħeb joffri li jilgħabha magħha, iżda jirnexxilha twettaqha?
    Film thriller, dwar il-possibiltajiet u l-perikli tal-computer. Film li jżommok fuq ix-xwiek u joħloq tensjoni, għalkemm il-konklużjoni hija xi ftit fjakka. Il-film fih xeni ta’ vjolenza, kuntenut sesswali u nudita’, użu ta’ droga u kliem ħażin. Jgħodd għal dawk minn 15 il-sena ‘l fuq.