• *****

    Direttur: David Lowery 
    Atturi: Bryce Dallas Howard, OakesFegley, Wes Bentley, Karl Urban, Oona Laurence, Robert Redford, Isiah Whitlock u Jim McCarthy
    Effetti Vokali tad-Dragun: John Kassir
    Ħin tal-Film: 102 min       
                                            
    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
                                                                                                                 
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: U
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: PG
                                                                                                                                           
    Pete, tifel ta’ ħames snin, waqt li kien mal-ġenituri tiegħu għal vaganza, ssalva minn aċċident stradali u traġika  li fih il-ġenituri tiegħu jitilfu ħajjithom waqt li Pete jsib ruħu f’nofs foresta f’periklu kbir. Tant li ma jgħaddiex ħafna ħin li ma jiġiex imdawwar minn numru kbir tal-lpup feroċi. Iżda  f’daqqa waħda dawn jaħarbu kemm kellhom saħħa, meta f’nofshom ifeġġ dragun kbir, b’fer ħadrani u għejnejh sofor u ġwienaħ ta’ kobor immens. Pete għal bidu beża’ minnu iżda meta jara li d-dragun kien amikevoli malajr għamel ħbieb u taħ l-isem ta’ “Elliot”, wara l-karattru favorit tal-ktieb li Pete kien qiegħed jaqra. Ma jdumux ma jsirux ħbieb tal-qalb u għal sitt snin sħaħ,  Pete kien jgħix kuntent mad-dragun fil-foresta sakemm jum wieħed, issa Pete ta’ għaxar snin,  jintebaħ bi grupp ta’ ħaddiema li kienu qegħdin jaqtgħu s-siġar. Għalkemm staħba kif seta’, tintebaħ bih Natalie tifla tal-istess eta’ tiegħu. Natalie tipprova tmur għal warajh u meta Pete tela’ fuq siġra, hi ppruvat titla’ wkoll iżda waqat. Missierha Jack u l-Park Ranger Grace Meacham, li kienet ħabiba intiema ta’ Jack,  semgħu l-għajjat għal  għajnuna ta’ Natalie u marru biex jaraw x’ġara. Hemm isibu lil Natalie fl-art waqt li Pete jirnexielu  jaħrab minn fuq il-post iżda jinqabad ftit wara minn Gavin, ħu Jack. Pete jittieħed fil-belt. Elliot, id-dragun, jirrealizza li Pete kien nieqes u beda jitħasseb tant li beda tfittxjia għalih. Sfortunatament fit-tfitxxija tiegħu Ellliot jiġbed l-attenzjoni ta’ Gavin  li mingħajr wisq dewmien, flimkien ma’ sħabu joħorġu armati biex jaqbdu lil Elliot. X’jiġri minn hawn? Sadanitttant, Pete li kien l-isptar wara li ħabat rasu,  jaħrab minn hemm biex imur jerġa’  jiltaqa’ ma’ sieħbu Elliot. Hawn tibda avventura interessanti. Kif sejra tiżvilluppa din l-istorja straordinarja u kif sejra tintemm?  
    Film Amerikan bi 3D, mimli azzjoni, fantasija u avventura, taħt id-direzzjoni ta’ David Lowery. Il-film kien ġa nħadem fl-1977 bl-istess isem.  L-avventura hi interessanti bi storja ħelwa li żgur li għandha tgħoġob lil kulħadd. Minħabba xi xeni li jistgħu jimpressjonaw lit-tfal ċkejnin, ikun tajjeb li dawn ikunu akkompanjati minn xi adult.