• ***

    Direttur: David F. Sanberg
    Atturi: Teresa Palmer, Gabriel Bateman, Billy Burke, Maria Bello, Alexander Di Persia, Billy Burke, Alicia Vela-Bailey, Lotta Losten u Andi Osho
    Ħin tal-Film: 81 min
     
    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
     
    KLASSIFIKA  TAĊ-CENSURA: 15
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
     
    Ġewwa maħżen ta’ manikini, kienet taħdem Esther. Jum wieħed hekk kif tfiet id-dawl biex tmur id-dar, tara figura ta’ mara  b’difrejn twal. Iżda meta reġgħet xegħlet id-dawl, din il-figura sparrixiet. Esther twissi lil Paul, il-proprjetarju fuq dak li rat u titlaq mill-post. Ftit wara Paul jiġi mkaxxkar fid-dlam u maqtul orribilment mill-mara. Rebecca, bint miż-żwieġ ta’ qabel, tgħix għal rasha  f’appartament ‘l bogħod minn ommha Sophie u ħuha Martin. Sophie għal xi żmien kienet tbati minn dipressjoni qawwija u dan l-aħħar reġgħet tfaċċat. Sophie kienet titkellem  fuq ‘ħabiba’ immaġinarja. Meta Martin jara d-dehra m’ommu, bil-biża’ beda jbati minn nuqqas ta’ rqad. Rebecca tieħu lil Martin fl-appartament tagħha biex tkun tista’ tieħu ħsiebu għal ftit. Dak il-lejl stess Rebecca tqum meta tisma’ grif ġej minn silwett ta’ mara li ppruvat tattakkah, iżda Rebecca kienet fil-waqt tixgħel id-dawl b’riżultat li l-figura sparrixiet. L-għada filgħodu Rebecca ssib mibrux l-isem ta’ “Diana”.  Dak il-lejl,  issa li Martin reġa’ lura għand ommu Sophie, waqt film tal-biża’ li bdew jaraw flimkien, tirrakonta l-ġrajja ta’ Diana, ħabibta, meta hi kienet fi sptar mentali tbati minn depressjoni u kienet saret ħbieb tal-qalb ma’ Diana. Diana kellha kundizzjoni rari ħafna, il-ġilda tagħha kienet sensittiva ħafna għad-dawl. F’waqt wieħed il-figura ta’ Diana tattakka lil Sophie. L-intervent ta’ Martin li jixgħel id-dawl kien tard wisq. Sophie spiċċat imsawwta minn Diana għalkemm ma qatlitiex. Rebecca minnaħa tagħha tieħu kaxxa mimli dokumenti mill-uffiċċu ta’ Paul li fiha kien hemm informazzjoni fuq Sophie. Tiskopri li t-tobba kienu esperimentaw fuq Diana u li sfortunatament l-esperiment falla u Diana sfat mejta. Diana kienet il-figura li bdiet timmanipula lil Sophie. X’jiġri minn hawn?
    Film tal-biża’, taħt id-direzzjoni ta’ David F. Sandberg u kitba ta’ Eric Heisserer. Minħabba l-istorja fiha nfisha li titratta s-sopranaturali bi tmiem drammatiku,  ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax–il sena.