• ****

    Direttur: Sharon Maguire

    Atturi: Renèe Zellweger, Gemma Jones, Jim Broadbent, Sally Philips, Julian Rhind-Tutt,  Shirley Handerson, Ben Willbond, Colin Firth u  Paul Bentall

    Ħin tal-Film: 122 min 

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18

    Bridget Jones, illum il-ġurnata għandha 43 sena. Tinsab tgħix waħedha wara li ħbiebha kollha jinsabu miżżewwġa u anke bit-tfal. Bridget m’għadiex tpejjep u naqset ħafna mix-xorb. Irnexxielha wkoll iżżomm il-piż tagħha kontrollat. Rigward l-ex-maħbubin li kellha, Daniel Cleaver miet f’inċident kurjuż tal-ajru,  waqt li Mark Darcy, issa jinsab miżżewweġ lil waħda avukat. Hekk kif qegħda tiċċelebra għeluq sninha, flimkien ma’ sebħitha, ddeċidiet li tmur għal festival mużikali f’għeluq tal-Ġimgħa. Wara li kienet xorbot ftit mhux ħazin, issib ruħha bla ma xtaqet rieqda ma’ Jack, Amerikan li kienet iltaqqgħet miegħu ftit siegħat qabel. Fi stat li kienet, kellha x’taqsam miegħu mingħajr qatt ma ħasbet x’jista’ jiġri. Ftit ġimgħat wara, Bridget tiltaqa’ mal-ex-maħbub tagħha Mark Darcy waqt festin ta’ magħmudija. Anke f’din l-okkażjoni, Bridget mingħajr wisq ħsieb, kellha x’taqsam miegħu. Ftit ġimgħat wara, hi tiskopri li ħarġet tqila. Hawn tibda dilemma għal Bridget. Min kien il-missier tat-tarbija? Kif kienet sejra tkun taf min kien il-missier: Jack jew Mark?  X’kien ifisser li issa sejra ssir omm?  Bridget tibda sensiela ta’ avventuri kemm biex isib min kien il-missier u li  anke tipprova żżomm ix-xogħol li kellha bħala reġista ta’ aħbarijiet kurrenti fi stazzjon televiżiv. X’jiġri minn hawn? Wara kollox min kien il-veru missier?

    Kummiedja Ngliża li terġa tlaqqgħana mal-karattru ħelu ta’ Bridget Jones.  II-film  hu taħt id-direzzjoni ta’ Sharon Maguire u kitba ta’ Helen Fieding u Dan Mazer. Dan hu t-tielet film fil-ħajja avventuruża ta’ Bridget, l-ewwel film inħadem fis-sena 2001 u kien suċċess kbir, it-tieni wieħed fis-sena 2004.  Dawn l-ewwel films kienu jittrataw fuq il-qawwa tal-imħabba u l-fatt li kull persuna taċċetta lilha nfisha. Dan it-tielet film niltaqgħu ma’ Bridget, iktar matura iżda fl-istess waqt ma titlifx minn-natura ċajtiera u avventuruża li dejjem kellha. Minħabba xi kliem goff u ċajt kif ukoll xi xeni ta’ sess qabel iż-żwieġ,  ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tmintax –il sena.