• It‑Tnejn 12 ta’ Settembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil‑Knisja tas‑Samra, il‑Ħamrun. Il-Knisja tas-Samra fil-Ħamrun ġiet elevata għal Santwarju u aggregata affiljata mal-Bażilika Rjali Minuri ta’ Atocia fi Spanja, minn fejn inġiebet ix-xbieha mirakuluża fl-1603.

    Il-Knisja ġiet elevata għal Santwarju b’digriet tal-Arċisqof Charles J. Scicluna wara rikors tal-Kappillan tal-Paroċċa San Gejtanu Dun Walter Cauchi fuq suġġeriment ta’  Dun Andrew Borg, ir-Rettur preżenti tal-Knisja.

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  •  Knisja tas-Samra, il-Ħamrun

                                                                                                                             12 ta’ Settembru 2016

    Isem Marija, hemm min jgħid li ġej mill-morr. Aħna għandna l-istess għerq il-‘mirra’, hawn min jgħid li mirjam l-istudjużi – ġej mill-imrar. Innutaw dawn il-kliem bil-Malti: il-morr, l-imrar, il-mirra, kollha affarijiet ta’ tbatija.

    Marija għaddiet ukoll mit-tbatija, mela jekk aħna għaddejjin mit-tbatija m’hemmx għalfejn inħossuha ’l bogħod, inħossuha qrib għaliex l-isem tagħha jfakkarna fid-duluri tagħha. Lil Ġesù jkollha tipproteġih għax ma sabitx fejn twelldu, ikollha tipproteġih meta jkollhom jaħarbu tipproteġih minn Erodi, tibki meta għal tliet ijiem ma tistax issibu fit-Tempju, imbagħad issegwih sat-telgħa tal-Kalvarju u tarah imut fuq is-salib. Tħaddnu fi ħdanha mejjet u tarah ukoll jindifen fil-qabar. L-imrar tal-Madonna, bħall-imrar tagħna meta ngħaqqduh ma tagħha u ma’ ta’ Ġesu mhux it-tmiem tal-ħajja u tal-istorja. Hemm fih it-tama tal-qawmien u għalhekk il-Madonna ta’ Atoċja llum nitolbuha: ‘inti li fis-smurija tiegħek turina s-sbuħija, agħmel li fl-imrar tagħna tagħtina t-tama, il-kuraġġ u l-hena u aħna Sidtna Marija nafdaw fik’.

    Mhux ta’ b’xejn San Ġorġ Preca kien jgħidilha: ‘O Domina nostra’, ‘Sinjura tagħna’. Għandu il-Vestis Honoris, din il-libsa ta’ ġieħ li l-Madonna li s-soċji tiegħu ikantaw tlett darbiet fix-xahar fis-7, fis-17 u fis-27. Kemm hi ħaġa sabiħa! Il-qaddisin jgħallmuna l-vera devozzjoni lejn il-Madonna. Aħna għandna qaddis Malti li kiteb bil-Malti u lanqas nafu x’kiteb, aħseb u ara kemm qrajnih. Bil-Malti u Ħamruniż, insomma Belti, imma ta’ tmien snin kien hawn. Jekk intom li tiġu devoti tal-Madonna tas-Samra, ma tafux x’qal San Ġorġ Preca fuq il-Madonna jiena nibda nħokk rasi. Il-kotba sbiħ li kiteb: Il-Benedicta, Il-Kotba fuq ir-Rużarju, għax kiteb diversi, maqgħudin f’wieħed. Dan il-qaddis li tana wkoll il-misteri tar-Rużarju tad-Dawl fl-1956, prattikament Sittin sena ilu. Nirringrazzjaw lil Alla. Imbagħad Ġwanni Pawlu II adottahom għall-Knisja kollha, l-istess ħames Misteri tad-Dawl li aħna ngħiduhom nhar ta’ Ħamis.

    Kemm hi ħaġa sabiħa li hawnhekk ukoll niftakru f’Tereża Nuzzo, bis-Sisters tagħha, hawn prezenti bil-ġid li jsir permezz tagħhom, uliedha spiritwali. U nitolbu għall-vokazzjonijiet. Tlett kwalitajiet: is-saċerdozju, il-ħajja reliġjuża u ż-żwieġ nisrani. Dik ukoll hija vokazzjoni, l-aħwa, ma mmaqdrux iż-żwieġ Nisrani. Hawn żgħażagħ m’għadhomx interessati fiż-żwieġ, happy go lucky, ippruvaw ħames snin imbagħad ngħidu bye bye lil xulxin, u t-tfal li jiġu imbagħad Alla jipprovdi, jekk jiġu.

    Ejjew nitolbu wkoll għall-vokazzjoniji għaż-żwieġ Nisrani li huwa sagrament, li hu għaqda għal dejjem, li huwa l-isbaħ bejta biex inrabbu lit-tfal uliedna. U nitolbu għas-saċerdoti li jkunu fidili għal vokazzjoni tagħhom, u reliġjużi rġiel u nisa. Hawn ħafna sorijiet kollha għandhom ħafna żgħożija fuqhom, tħares lejhom titpaxxa, imma il-futur, il-futur!  Hawn xebbiet imħajrin li tkunu sorijiet? Le, iridu jgawdu, imma ma’ Ġesù tgawdi dejjem, orrajt ikollok tiżżerżaq naqra snienek xi kultant, imma dak kulħadd. Ejjew nitolbu għax Ġesù jibqa’ jsejjaħ imma l-ġenituri mhux tgħidilhom  ‘jiena nixtieq insir Sister’. ‘U le, ħallik” u tibda titlob lill-Madonna biex it-tifla ddawwar fehmtha, minn fuq, tiġi hawn titlob il-grazzja. Jew it-tifel jgħidilha: ‘ħa nsir patri’, dik l-omm trid issir nanna mhux ikollha tifel patri, u tiġi hawn titlob lill-Madonna biex tnessihielu l-vokazzjoni. Kollox rasu l-isfel saqajh ‘il fuq.

    Nitolbuha l-Madonna tagħtina d-dehen ngħarfu f’dawn l-erbat ijiem ta’ din id-dinja x’inhu l-iżjed importanti: li nagħmlu r-rieda tal-Mulej, min hu għaż-żwieġ, għaż- żwieġ, min hu miżewweġ joqgħod bi kwietu, imma min hu saċerdot ukoll joqgħod bi kwietu, anke min hu Isqof, joqgħod bi kwietu wkoll u anke r-reliġjużi, kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu. Imma hemm ħaġa waħda li tgħallimna l-Madonna: it-triq tal-qdusija. L-aħħar kelma tal-Madonna x’kienet? Fit-tieġ ta’ Kana x’qaltilhom lill-qaddejja? “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”. Agħmlu dak li jgħidilkom Ġesù. Il-kelma tal-Madonna l-aħħar waħda tkun tiegħi ukoll. Il-paċi magħkom.

     

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Photos: Mark Mangion