• ***

    Direttur: Peter Berg

    Atturi: Mark Wahlberg, Dylan O’Brien, Kate Hudson, Kurt Russell

    Ħin: 107 minuti

    Maħruġ minn KRS Releasing Limited

    Klassifika tal-Gvern: 12A

    Klassifika tal-Knisja: 12A

    Grupp ta’ nies li jaħdmu fuq oil rig tal-BP iħejju biex jerġgħu lura wara li qattgħu xi żmien mal-familji tagħhom. Fost dawn hemm Mike Williams, engineer, li qatta l-ħin ma’ martu u bintu, u Jimmy Harrell, imsejjah “Mr Jimmy”, il-maniġer tar-rig. Huma jerġgħu lura fuq ir-rig enormi tagħhom, imsejjaħ ‘Deepwater Horizon’; dan mhux rig li jtella’ ż-żejt minn qieħ il-baħar imma biss iħaffer il-bjar li minnhom jitla’ ż-żejt. Issa kien qed iħaffer bir f’Macondo fil-Golf tal-Messiku, 40 mil il-barra mix-xatt ta’ Louisiana. Dan il-bir tlesta u l-ħaddiema qed iħejju biex jgħalquh u ‘Deepwater Horizon’ isalpa lejn x’imkien ieħor. Ir-rig huwa antik u fih ħafna affarijiet ma jaħdmux tajjeb. Fuq ir-rig Mr Jimmy jitlewwem ma Don Vidrine, manager tal-BP, li jrid li l-ħaddiema ma joqgħodux jaħlu aktar żmien jittestjaw jekk il-bir ingħalaqx sewwa biex ‘Deepwater Horizon’ ifittex isalpa. Madankollu ma jdumx ma l-affarijiet jibdew imorru ħażin, u f’daqqa waħda jinħoloq diżastru sħiħ.

    Film ibbażat fuq it-traġedja vera ta’ l-isplużżjoni tal-oil rig fl-2010 le sewa’ l-ħajja ta’ ħdax il-ruħ u kkawża l-akbar diżastru ambjentali li qatt sar biż-żejt,  l-iktar frott tar-rebgħa tal-mexxejja tal-BP.  Fih reċtar tajjeb mill-protagonisti, fosthom Mark Wahlberg bħala Mike Williams. Il-film fih xeni intensi twal ta’ diżastru u xi kliem ħażin. Tfal sa 12 il-sena għandhom ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.