• ****

    Direttur: David Frankel
    Atturi: Will Smith, Edward Norton, Keira Knightley,  Michael Pena, Naomie Harris, Jacob Latimore, Kate Winslet u Helen Mirren
    Ħin tal-Film: 96 min
    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15

    Howard Inlet ma kien joqsu xejn. Bħala eżekuttiv fix-xogħol tar-riklamar kien dejjem jħares ‘l quddiem. Kien jħobb jirsisti mal-istaff tiegħu biex iħarsu b’ottimiżmu ‘l quddiem. Iżda l-ottimiżmu tiegħu sfuma fix-xejn għaliex kellu jiġi  wiċċ imbwiċċ ma’ traġedja meta tilef l-uniku tifla li kellu u li mietet ta’ eta’ żgħira. Din il-mewta kellha fuqu effett kbir għaliex ingħalaq fih inifsu. Għalkemm baqa’ jmur għax-xogħol, iżda minħabba l-attitudni tiegħu ntilfu ħafna klienti. Howard ma kienx jitkellem ma’ hadd.  Il-ħbieb kollegi tiegħu fuq ix-xogħol għamlu ħilithom biex joħorġuh minn din il-qagħda iżda qatt ma rrnexxielhom. Howard beda jfittex risposti mill-kosmos billi jikteb ittri u jimposthom lil Imħabba, Żmien u Mewt. Kif qatt seta’ jirċievi risposti minn għandhom? Biex forsi joħorġuh minn din il-qagħda, t-tliet kollegi tiegħu ewlenin, Whit, Claire u Simon iddeċiedew li jqabdu lil Sally, detektiv privat,  biex tara x’qiegħed jagħmel Howard wara l-ħin tax-xogħol. Kienet hi li b’xi mod jew ieħor irrnexielha tinterċetta l-ittri mimlija rabja li Howard kien jibgħat lill-Imħabba, liż-Żmien u lill-Mewt.  It-tliet kollegi ppjanaw strateġija billi qabdu tliet atturi, Brigitte, Amy u Raffi biex dawn jippersonifikaw dawn l-ideat astratti u hekk jiġi ppruvat l-inkopetenza ta’ Howard. Sally minnaħa tagħha kellha tirrikordja fuq il-mobajl tagħha l-inkontru li dawn l-atturi kellhom jagħmlu ma’ Howard. L-idea kienet li dak li kien jiġi rrekordjat kien jiġi editjat biex juri lil Howard waqt il-laqgħa tiegħu ma’ dawn l-atturi kien qiegħed jitkellem ma’ fantażmi. Sadanittant, Howard beda jattendi laqgħat apposta ma’ grupp ta’ ġenituri li kienu wkoll tilfu lil xi ħadd għażiż u maħbub tagħhom. Madeleine kienet tmexxi dan il-grupp. Hi stess kienet tilfet tifel ta’ eta’ żgħira. X’jiġri minn hawn? Tghid jerinexxi l-pjan ta’ Whit, Claire u Simon?

    Film drammatiku Amerikan hu taħt id-direzzjoni ta’ David Frankel u kitba ta’ Allan Loeb. Film interessanti li jlaqqgħana ma’ sitwazzjoni delikata meta ġenituri jitlfu lil xi membru tal-familja tagħhom l-aktar dan jkun membru ta’ eta’ żgħira. X’effett din jista’ jkollha fuqhom? Minħabba l-istorja fiha nfisha kif ukoll użu ta’ kliem profan u tema ta’ adulterju, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax -il sena.