• ***

    Direttur: Justin Kursel

    Atturi: Michael Fassbender, Marion Cotillard, Jeremy Irons, Brendan Gleeson, Charlotte Rampling u Michael K. Williams

    Ħin tal-Film: 116 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A

    KLASSIFIKA  TAL-KNISJA: 15

    Callum Lynch, kriminal ikkundannat għal mewt, jiġi salvat minn Abstergo Industries, għaqda nkarnata tal-Ordni Templar li kienu qegħdin fit-tfittxija għat-Tuffieħa ta’ Eden. Dr.Sophia Rikkin li kienet ix-xjentista prinċipali, tistqarr ma’ Callum li hu kien dixxendent ta’ Aguilar de Nerha, membru fl-ordni sigrieta ta’ assassini li għal ħafna sekli offrew oppożizzjoni serja lill-Ordni tat-Templars. Dr. Rikkin idaħħal lil Callum fil-Proġett Animus biex jerġa’ jqajjem il-memorji ta’ Aguilar u hekk Abstergo jsiru jafu x’sar minnha t-Tuffieħa ta’ Eden. Sadanittant, fi Spanja fis-sena 1492, Aguilar u s-sieħbha tiegħu Maria ġew imqabbda biex isalvaw il-Prinċep Ahmed De Granada li kien ġie maħtuf mill-mexxej ta’ Templars, Tomas de Torquemada. Dan il-ħtif tal-Prinċep wettquh  biex b’hekk iġegħlu lil missieru, is-Sultan Muhammad XII  jċedi t-Tuffieħa ta’ Eden. Aguilar u Maria jinterċettaw il-kalless li fih kien hemm il-Prinċep Ahmed iżda ftit wara jinqabdu minn Ojeda li kien taħt l-għamar ta’ Torquemada. Sadanittant Callum jinqala’ minn mall-Animus minn Dr. Sophia wara li kien għamel ħbieb ma’ dexxendenti tal-assassini, taħt it-tmexxija ta’ Moussa. Callum  jkollu esperjenzi alluċinatorji ta’ Aguilar kif ukoll ta’ missieru Joseph Lynch li kien qatel lill-ommu meta kien liebes ta’ assassin. Sadanitant Callum u Sophia jibdew jibnu relazzjoni bejniethom . Dr. Sophia tirrivela li hi kienet  bint Alan Rikkin, ic-CEO ta’ Abstergo. Tgħidlu wkoll li ommha kienet ġiet maqtula minn assassin. Lura ġewwa l-Animus, Aguilar u Maria wara li jinqabdu u jiġu kkundanati għal mewt iżda Aguilar jirnexxielu jeħles lilu nnifsu u lil Maria. X’jiġri minn hawn?  X’rowl ikkollu Callum meta jsib ruħu trasportat permezz tal-Animus f’din is-sitwazzjoni mħawda? Kif kien sejjer jgħin biex it-Tuffieħa ta’ Eden ma taqgħax f’idejn li jistgħu jużawha ħażin?

    Film mimli azzjoni u hu msejjes fuq logħba vidjo bl-istess isem. Hu taħt id-direzzjoni ta’ Justin Kurzel, kitba ta’ Michael Lesslie, Adam Cooper u Bill Collage. Il-film jeħodna fiz-żmien l-Inkwiżizzjoni Spanjola fis-seku ħmistax. Minħabba li l-film juri valuri foloz, anti-kattoliċiżmu kif ukoll vjolenza u xi kliem goff,  ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax il-sena.