• ***

    Direttur: Ben Affleck

    Atturi: Ben Affleck, Elle Fanning, Brendan Gleeson, Chris Messina, Sienna Miller, Zoe Saldana u Chris Cooper

    Ħin tal-Film: 129 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18

    Joe Coughlin hu iben iż-żgħir ta’ kaptan prominenti fid-Dipartiment tal-Pulizija ġewwa Boston. Ninsabu fis-sena 1926 u għalkemm fl-Amerika kien hemm projbizzjoni għax-xorb alkoħoliku, iżda f’soċjeta’ fejn kienet tirrenja anarkija mmexxija minn barunijiet mafjużi  xejn ma kien iżżommhom milli jagħmlu dak li jridu. Fid-dinja li kienu jgħixu dawn u sħabhom, ħlief delitti waħxi,  ġlied fil-beraħ, pulizija korrotti u  distilleriji taħt l-art kienu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Joe sab ruħu jgħix f’dan l-ambjent meta ħalla t-trobbija stretta li tela’ fiha u llum-il ġurnata jinsab mħallas tajjeb minn wieħed gangster magħruf li ma kien jibża’  minn xejn. Joe mhux biss kellu paga tajba, iżda kien ukoll jieħu sehem  minn dak kollu li kienu jisirqu, il-fama li kien igawdi bħala brigant u l-ħajja eċċitanti li kien jgħix fiha ta’ kuljum. Iżda ħajja bħal  din, kellha wkoll l-ikraħ u l-perikli tagħha. Joe kien sar midħla ta’ nies bla kuxjenza ta’ xejn, ambizzjuzi, armati sa snienhom, b’xorb alkoħoliku li qatt ma kien nieqes. Riżultat ta’ din it-tip ta’ ħajja li għalkemm kien jidħer li ma kien jonqsu xejn, iżda Joe bħal ħafna minn sħabu kien qiegħed jilgħabha mal-mewt. Joe, għalkemm missieru kien spiss iwiddbu, ma kien sar jimpurtah minn xejn u għalhekk xtaq ħafna li jkompli javanza f’din il-ħajja sfranata u perikoluża. Joe jagħddi minn esperjenzi ġodda fosthom fil-Jazz Age Boston, għal Tampa’s Latin Quarter u saħansitra fit-toroq perikolużi u jaħarqu ġewwa Kuba. Ma jonqos ukoll li Joe meta jixħet ħarstu fuq tfajla ħelwa Kubana, din l-esperjenza jkollha effett kbir f’ħajjtu. X’jiġri minn hawn?  Tgħid hemm ċans li Joe jiffdi ħajjtu u jibdel ir-rotta?  

    Film Amerikan fuq il-kriminalita’ vjolenti ġewwa Boston fl-Amerika fis-snin għoxrin. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Ben Affleck li hu wkoll jaħdem il-parti prinċipali ta’ Joe Coughlin, brigant ta’ fama u l-protoganista fil-film. Il-film hu msejjes fuq in-novella bl-istess isem ta’ Dennis Lehane. Minħabba vjolenza ħarxa speċjalment qtil bla rażan, abbuż ta’ droga, kliem goff u profan kif ukoll nuqqas kbir ta’ rispett lejn il-ħajja, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.