• Fid‑dawl tal‑Eżortazzjoni Appostolika tal‑Papa Franġisku Evangelii Gaudium (Il‑Ferħ tal‑Evanġelju), il‑kappillani tas‑70 parroċċa f’Malta, flimkien mal‑Arċisqof Charles J. Scicluna u l‑Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi, iddiskutew kif jistgħu jkunu qaddejja aħjar tal‑komunitajiet parrokkjali afdati f’idejhom, waqt il‑live‑in annwali għall‑kappillani. Dan sar bejn it‑Tlieta 10 ta’ Jannar u l‑Ħamis 12 ta’ Jannar 2017, fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, Tal‑Virtù.

    Waqt il‑live‑in, il-kappillani semgħu minn diversi professjonisti kif huma jistgħu jsaħħu l‑ħidma pastorali li jwettqu man-nies fil-parroċċi, permezz ta’ stil ta’ ħajja li jħares l‑well‑being ħolistiku tagħhom. Il‑kappillani rriflettew ukoll fuq kif ir‑relazzjoni tagħhom ma’ Alla imsaħħa bit‑talb twassalhom biex ikunu saċerdoti u qaddejja aħjar tal‑poplu ta’ Alla. 

    Il‑live‑in, li jsir f’ambjent ta’ ġabra u trankwillità, jipprovdi ħin għat‑talb u għal diskussjoni bejn il‑kappillani u l‑Arċisqof. Il‑live‑in ġie organizzat mill‑Kunsill tal‑Kulleġġ tal‑Kappillani.

  • Photos: Communications Office, Curia