• ***

    Direttur: Danny Boyle

    Atturi: Ewan McGregor, Ewen Bremner, Jonny Lee Miller, Robert Carlyle,  Kelly Macdonald u Anjela Nedjalkova

    Ħin tal-Film: 117 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:  18

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18

    Il-Film T2 TRAINSPOTTING hu taħt id-direzzjoni ta’ Danny  Boyle, kitba ta’ John Hodge, msejjes fuq in-novella Porno miktuba minn Irvine Welsh. Wara l-ewwel film li kien ħareġ fis-sena 1996 bl-isem ta’  Trainspotting, f’dan il-film niltaqgħu mal-istess erba’ protoganisti:  Mark Renton,  Daniel “Spud Murphy, Simon “Sick Boy” Williamson u  Francis ”Franco” Begbie. Renton jerġa’ lura lejn l-Iskozja  biex  issewwi l-ħsara li kien wettaq fuq sħabu għoxrin sena qabel meta kien qarraq bihom u ħarab bil-flus kollha lejn l-Amerka. Illum il-ġurnata jinsab jgħix ġewwa Chicago. Għalkemm Renton kien jagħmel żjarat spiss ġewwa l-Iskozja, iżda qatt ma deher ġewwa Edinburgh biex jevita li jiltaqa’ ma’ sħabu. Iżda din id-darba Renton xtaq ħafna li jitfa’ wara spallejh l-iżball li għamel u jirrikonċilja ruħu magħhom. Min-naħa tagħhom dehru li xtaqu ħafna wara tant snin li jerġgħu jarawh u għalkemm bejniethom kien hemm diżappunt  iżda kemm Daniel kif ukoll Simon  kienu lesti li jaċċettawh fosthom dan għax mhux biss wera x-xewqa li jirranġa magħhom iżda wkoll għaliex Renton roddilhom sehemhom. Kellu iżda problema ma’ Francis “Franco” Begbie li kien psikopatiku tant  li ftit żmien qabel kien irrnexxielu jaħrab mill-ħabs meta kien għadu qiegħed jiskonta sentenza. Francis deher li kien iddeterminat li jpattija lil Renton. Iżda barra dawn sħabu, Renton ukoll kellu jistennewh ħbieb ‘antiki’ fosthom rimors, vendetti, mibgħeda, mħabba, droga u perikli morali.  Kif sejjer jegħleb dawn l-ostakli kollha l-akar waħda serja u li kienet perikoluża  t-theddida li Francis kien qiegħed joħloq għalih?

    Film Brittaniku li joffri minn kollox:  juri li għalkemm għaddew għoxrin sena fuq dawn l-erba’ ħbieb ftit li xejn sar progress fil-ħajja li kienu qabdu tant snin ilu. Minnħabba xeni ta’ vjolenza, kliem goff ħafna, użu ta’ droga, xorb bla rażan kif ukoll ftit li xejn rispett lejn l-awtorita’, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.