• L-Amministrazzjoni tal-Parroċċa tal-Isla f’dawn l-aħħar snin ikkummissjonat numru ta’ studji xjentifiċi sabiex isir restawr u konservazzjoni tal-Istatwa ta’ Ġesù Redentur. Kienet ħidma intensiva flimkien ma’ esperti Maltin kif ukoll barranin, u entitajiet bħal CNR – Consiglio Nazionale della Ricerca, Firenze, kif ukoll Conservation Division, Heritage Malta. Wara li dawn l-istudji tlestew u ttieħdu pariri professjonali minn diversi esperti, l-Arċipriet tal-Parrocca tal-Isla, il-Kan. Dun Robin Camilleri,  jixtieq jikkomunika li:

    1. Il-Kumpanija Atelier del Restauro ser tkun responsabli minn dan il-proġett li għandu l-permessi kollha meħtieġa, kemm min-naħa tal-Kurja tal-Arċisqof kif ukoll mill-Kummissjoni Patrimonju Kulturali Kattoliku. Huwa maħsub li dan il-proġett jibda f’Mejju li ġej u jieħu disa’ xhur sa Frar 2018 biex jitlesta.
    1. Dan il-proġett ta’ restawr ser jiswa ammont sostanzjali ta’ flus u għalhekk qed isir appell lill-pubbliku għad-donazzjonijiet. Kull donazzjoni hija apprezzata.
    1. Minħabba dan ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni, il-Purċissjoni tal-wegħda li ssir f’Ġunju ser titħassar. Aktar dettalji jingħataw aktar tard.
    1. Matul ir-restawr ser ikun hemm ġranet apposta sabiex wieħed jista’ jara x-xogħol li qed isir. Dawn jiġu ikkomunikati fil-ġranet li ġejjin.
    1. Ser issir laqgħa ta’ informazzjoni fuq ir-restawr u l-konservazzjoni ta’ din l-istatwa. Din ser issir fil-Bażilika tal-Isla nhar il-Ħamis 2 ta’ Marzu, fis-6.30 p.m.

    L-Arċipriet jirringrazzja lill-pubbliku u lil dawk il-persuni li ħadmu sabiex dan il-proġett ikun jista’ jitwettaq.

  • Photos: Atelier del Restauro Ltd.