• Il‑Ġimgħa 3 ta’ Marzu 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa waqt l‑irtir tar‑Randan għall‑impjegati tal‑Kurja, il‑Caritas u t‑Tribunal Ekkleżjastiku, fil‑Knisja tal‑Lunzjata, (tal‑Karmelitani), l‑Imdina. Il-meditazzjonijiet tal-irtir tmexxew minn Patri Charlo’ Camilleri, Karmelitan.

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Knisja tal-Lunzjata, l-Imdina
    3 ta’ Frar 2017

    L-Evanġelju li għadna kemm smajna jintroduċiena għall-ewwel dizzjunarju qasir li jippreparana immedjatament mill-bidu nett tar-Randan għall-festi tal-Għid.

    L-ewwel nett tissemma l-kelma ‘sawm’. Huwa ġust li fl-ewwel ġurnata tal-ġimgħa f’dan l-istaġun, il-Knisja tibdilna katekeżi prossima, immedjata, ta’ x’jiġifieri l-vera sawm.

    L-Ewwel Qari jispjegalna eżattament liema sawm jogħġob lill-Mulej. L-atteġġjament tal-Mulej għas-sawm tagħna mhuwiex sadiku. “Jaqaw mhuwiex dan is-sawm li rrid?” (Is 58, 6). “Jaqaw jien jgħoġobni sawm bħal dan? Jum biex wieħed, bniedem jgħakkes lilu nnifsu? Tgħidlu int dan sawm, jum jogħġob lill-Mulej?” (v. 5).

    L-atteġġjament tal-Mulej fuq is-sawm tagħna mhuwiex xi ħadd jieħu pjaċir b’umiljazzjoni jew bit-tgħakkis tagħna b’mod sadiku, għaliex is-sawm veru li l-Mulej iħares lejh b’simpatija kbira, hija li inti “tħoll l-irbit tal-ħażen, li tqaċċat ix-xkiel tal-madmad, li tibgħat ħielsa l-maħqurin, u tkisser kull madmad? …li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, li ddaħħal f’darek lill-imsejknin bla saqaf, li tlibbbes lil min hu għarwien, li n-nies ta’ darek ma tinsihomx?” (vv. 6-7).

    Aħna u nibdew dan l-istaġun ta’ sawm, irridu nistaqsu lilna nfusna jekk dan hu s-sawm li aħna bdejna u se nkomplu, jew jekk għandniex bżonn din l-ewwel katekezi importanti fil-jum tal-ġimgħa fir-Randan tiftħilniex qalbna għall-veru sawm.

    Għaliex dan it-tip ta’ sawm li jikkorispondi anke għall-ġudizzju fl-Evanġelju ta’ San Mattew: “kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont għeri u libbistuni, …kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25, 35-36), huwa sawm li jerġa’ jagħtina direzzjoni ta’ ħelsien u salvazzjoni fil-ħajja tagħna. Dan huwa s-sawm, mhux tat-tgħakkis għan fih innifsu, imma huwa sawm li jerġa’ jagħti direzzjoni ġusta lill-ħajja tagħna. Mentri l-Fariżej jitkellmu fuq sawm ta’ swied il-qalb, sawm li huwa kważi ta’ luttu, “għaliex aħna u l-Fariżej insumu,” jgħidu lid-dixxipli ta’ Ġwanni, “u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?” (Mt 9, 14).

    Għalhekk fid-dizzjunarju tar-Randan jiġi ntrodott il-kunċett tal-‘Għarus’, anke għaliex tkun ħaġa sabiħa li aħna r-Randan ngħixuh flimkien mal-Għarus. Ġesù jippreżenta ruħu f’dan l-Evanġelju bħala l-Għarus tal-Knisja. Imma aħna nafu li l-għerusija tiegħu, li hija inizjata diġà meta jitgħammed fl-ilma tal-Ġordan, u jissieħeb mad-dnub tal-umanità biex imbagħad jerfa’ lill-umanità lejn Alla, u hemmhekk jiġi ddikjarat ‘il-għaxqa tal-Missier, l-Iben għażiż’ (ara Mt 3, 17).

    Din l-għerusija, inizjata fil-Magħmudija fil-Ġordan, issib il-milja tagħha fuq is-salib meta mill-ilma u mid-demm li joħorġu mill-kustat tiegħu, hu jaħsel u jmantni l-Għarusa tiegħu l-Knisja. Dakinhar l-Għarus jittieħed u għalhekk f’din il-ġimgħa, fl-ewwel Ġimgħa, din il-ġurnata l-ewwel waħda f’din is-sensiela, qed jippreparaha diġà għall-Ġimgħa l-Kbira fejn l-Għarus se jittehdilna u dakinhar insumu (Mt 9, 15). 

    Dakinhar fir-rubriki taċ-ċeremonjal tal-Isqfijiet, l-Isqof fil-Ġimgħa l-Kbira ma jilbisx iċ-ċurkett tal-għerusija u jibqa’ ma jilbsux sal-vġili tal-Għid għaliex fil-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid fil-għodu, l-għarus ittieħed. Imma mbagħad  jerġa’ jirritorna, il-Knisja terġa’ tifrah li l-Għarus irritorna irxuxtat u rebbiegħ.

    Dawn huma l-ewwel żewġ kelmiet tal-katekeżi tal-Knisja fir-Randan: is-sawm u l-għerusija. Ejjew nitolbu biex aħna nidħlu f’din l-atmosfera li nakkompanjaw lill-Għarus hu u sejjer lejn il-kamra tat-tieġ, lejn is-sodda tat-tieġ tiegħu li huwa s-salib li fuqu hu jagħti ħajtu lill-Knisja. U hekk mhux biss isalvaha imma jassiguralha futur.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  •  
    Photos: Curia Communications Office