• Nhar is-Sibt 4 ta’ Marzu 2017, l-Arċisqof żar iż-żgħażagħ u l-leaders tal-Youth Fellowship u ċċelebra Quddiesa f’għeluq it-30 sena mit-twaqqif ta’ din il-komunità, f’Gattard House, Blata l-Bajda.
     

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Gattard House, Blata l-Bajda
    4 ta’ Marzu 2017

    Arma qerrieda tax-xitan hija li jipprova jipperswadina li Alla huwa għadu tal-ferħ tagħna, u ħafna drabi ir-ribelljoni tagħna, ibda mill-addoloxxenza u ż-żgħożija, tiġi minn pre-suppost dijaboliku li Alla huwa l-għadu ta’ kull ma hemm sabiħ fil-ħajja. God is the enemeny of my delight; God is the enemy of my joy. Dan kien il-metodu qattiel u kattiv li jiġi deskritt fl-Ewwel Qari tal-lum li jiddeskrivi l-waqgħa tal-umanità, ir-ribelljoni tal-umanità kontra Alla.

    “Il-Mulej Alla nibbet mill-art is-siġar kollha li jpaxxu l-għajn u bnina għall-ikel”. Innutaw dawn iż-żewġ valuri li jattiraw ir-ruħ tal-bniedem: id-delizzju tas-sbuħija u l-benna tan-nutriment, “ipaxxu l-għajn u bnina għall-ikel”, beauty and nurture. Din hija l-ordni li ħalaq Alla. “Is-siġra tal-ħajja f’nofs il-ġnien u s-siġra tat-tagħrif it-tajjeb u l-ħażin” (Ġen 2, 9).

    X’inhi t-tentazzjoni kif ippreżentata f’dan it-tieni kapitlu u anke t-tielet tal-Ġenesi? Dik li jipprova jipperswadi lil Eva, lill-umanità, li Alla għajjur għall-bniedem, ma jridx lil bniedem jikseb il-vera dinjità tiegħu. “U le, ma tmutux! Alla jaf li dakinhar li tieklu minnu dan l-ikel projbit jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin” (3, 4). U Eva ċċedi għal din it-tentazzjoni għaliex dak li jippreżentalha x-xitan għaliha jidher tajjeb. “Rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel, tiġbdek fil-għajn u tħajrek biex tikseb id-dehen, u ħadet. Ħa żewġha wkoll li kien magħha u kiel” (v. 6), u rrealizzaw li minflok akkwistaw id-dinjità tilfuha.  

    Il-Mulej Ġesù jerġa’ jirriversja dan il-proċess billi jsir bniedem bħalna u jipprovdilna ikel veru li huwa tajjeb biex nikluh, “jiġbdek fil-għajn u jħajrek biex tikseb id-dehen”. Aħna dan li qegħdin niċċelebraw. Fl-Ewkaristija niċċelebraw l-ikel tal-Kelma tiegħu u l-ikel tal-Ġisem u d-Demm tiegħu, u l-proposta li jagħmlilna hija li aħna, fil-Kelma tiegħu u fl-Ewkaristija, nirrealizzaw li mis-siġra tas-salib hemm “ikel tajjeb li jiġbdek fil-għajn u li bih tikseb id-dehen”. Is-siġra m’għadhiex is-siġra tal-waqgħa imma hija s-siġra tas-salvazzjoni, u minxur magħha din is-siġra hemm il-Mulej Ġesù.          

    San Pawl fl-Ittra lir-Rumani Kapitlu 5, jispjega kif Ġesù huwa ‘Adam il-ġdid’ u “jekk minħabba fil-ħtija ta’ wieħed waħdu saltnet il-mewt, aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja għad isaltnu fil-ħajja permezz ta’ wieħed, li hu Ġesù Kristu (Rum 5, 15).

    Jien nixtieq nipproponilkom bħala programm għal dan ir-Randan u bħala kommemorazzjoni tat-tletin anniversarju mit-twaqqif providenzjali tal-Youth Fellowship, it-tliet risposti ta’ Ġesù. It-tliet tentazzjonijiet ta’ Satana lil Ġesù huma tailor-made għal Ġesù, bħalma t-tentazzjonijiet li jagħmlilna Satana jkunu tailor-made għalina.

    Aħna nafu x’jiġifieri li Satana dejjem ipoġġilna xi ħaġa li tattirana biex aħna nabbokkaw bħalma jagħmel il-ħut, u ġeneralment ma jagħżilx il-mumenti tal-baħar kalm. Intom tafu li meta l-baħar ikun kalm, ma taqbadx ħut. Is-sajjied bilgħaqal jippreferi jmur jistad meta jkun naqra mqalleb għaliex hekk il-viżibilità tkun inqas u l-ħut jabbokka iżjed. Alla ħafna drabi jieħu paċenzja bina, imma Satana jistenna li l-baħar ikun imqalleb biex nabbokkaw żgur u dejjem jittentana b’xi ħaġa li aħna għandna d-dgħufija għaliha jew inkella li taffaxxinana iżjed mill-oħrajn. 

    Għalhekk nistgħu teoloġikament nagħmlu riflessjoni fuq dawn it-tentazzjonjiet li jiġu mit-tentatur għal Ġesù: “jekk int Iben Alla” (Mt 4, 3) din l-isfida fuq l-identità ta’ Ġesù. Anke l-fatt li Satana qed jittentah fuq il-qawwa tiegħu ta’ l-Iben Alla, ħallieq ta’ Sid l-anġli” (ara v. 6), u b’din il-missjoni li jibda s-Saltna t’Alla “tiġi saltnatek” u jgħidlu “nagħtihomlok kollha jien is-saltniet tad-dinja”. B’xi mod shortcut “inżel adurani u nagħtihomlok” (v. 9).

    It-tlett risposti ta’ Ġesù imma mhumiex biss risposti għal dawk it-tentazzjonijiet tailor-made għalih, imma huma programmatiċi għalina. Il-bniedem “mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ min fomm Alla” (v. 4). Innutaw li kollha huma mill-Iskrittura.

    L-ewwel indikazzjoni programmatika li nixtieq nagħtikom hija dik li fis-soċjetà tagħna, fl-ambjenti fejn tgħixu, fejn il-Mulej żera’ din iż-żerriegħa tal-mustarda ċkejkna, li peress li hija, kif jgħid il-Mishnah irritanti ħafna –  aħna l-Knisja b’xi mod dejjem hekk, din il-preżenza skomda – irridu naħdmu għall-ħobż ta’ din l-art, għandna bżonnu, imma għandna bżonn ukoll b’umiltà kbira, imma b’xhieda ċara, ngħidu li aħna għandna bżonn ngħixu wkoll “b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla”. Aħna qegħdin f’socjetà fejn li inti tkun ‘faith-based’ huwa skomdu, mhux aċċettat, imma aħna rridu nagħtu xhieda li għalkemm naħdmu, għax beżlin għall-ħobżna ta’ kuljum, aħna ngħixu wkoll “b’kull kelma li toħroġ min fomm Alla”.

    It-tieni risposta ta’ Ġesù tisfidana b’mod profond ħafna. “Hemm miktub ukoll: ‘iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek’” (v. 7). Xi tfisser din il-kelma għalina llum? Hemm ċerti setet li għadhom jipprietkaw l-Evanġelju tal-prosperità: inti ħobb lil Ġesù u jkollok qisu insurance policy kontra l-mard, kontra l-faqar, insomma kontra s-salib. Dawk huma l-għedewwa tas-salib ta’ Kristu. Li ġġarrab lill-Mulej huwa li titolbu li inti tagħmilha ta’ bravu, tmur fuq il-quċċata tat-tempju, tinxteħet għall-isfel u tippretendi li dan se jibgħatlek l-anġli biex ikollok a soft parachute landing. Din l-idea li Alla tagħfas buttuna u tista’ tinqeda bih kif trid.

    Allura din il-kelma ta’ Ġesù: “iġġarabx lill-Mulej Alla tiegħek” huwa li qed tgħidilna: ‘toqgħodux tinnegozjaw ma’ Alla, aċċettaw il-kelma tiegħu bl-isfida kollha li titlob minnkom’. Tippretendix iżjed li ma tistudjax u għax tixgħel xemgħa lil xi qaddis se tgħaddi. Jew inkella li meta ma tobdix lit-tabib u se tibqa’ f’saħħtek. Ħafna drabi aħna għandna fidi li ġġarrab lill-Mulej. Bħalma min jagħmel balla dejn imbagħad jitolbu biex jirbah il-lotterija. “Iġġarabbx lill-Mulej Alla tiegħek”. Jew inkella xi ħadd jitratta lill-għarusa ħażin u jitlob lil Alla li tibqa’ tħobbu, tkun verament qed iġġarab lil Alla tiegħek.

    Imma it-tielet kelma hija kelma wkoll ta’ sfida: “lill-Mulej Alla tiegħek għandek tadura u lilu biss taqdi” (v. 10). Din hija c-challenge l-kbir tagħna l-Insara: li aħna neħilsu mill-idoli, kbar u żgħar tagħna, u li nistaqsu lilna nfusna dejjem, f’kull mument: “imma jiena fil-qalb tiegħi qiegħed nadura lil Alla?” Kemm hi ħaġa sabiħa li intom tiltaqgħu regolarment biex tfaħħru lil Alla, intom insejħulha praise, ġustament.

    San Pawl Missierna jgħid: “Għannu għanjiet ta’ tifħir lill-Mulej, roddu ħajr lill-Mulej dejjem, ifirħu fil-Mulej” (ara 1 Tess 5, 16.18). Imma din il-praise trid tkun xi ħaġa eżistenzjali: jiena rrid ngħix kontinwament fil-preżenza tiegħu u nfaħħru bil-ħajja tiegħi. “Lilu biss naqdi”. Ma jkollix fil-qalb tiegħi tronijiet għall-allat oħrajn foloz għax f’dan is-sens il-Mulej huwa verament għajjur, jixtieq ikun is-sultan ta’ ħajtek, imma l-uniku sultan ta’ ħajtek.

    Ir-Randan allura huwa l-istaġun straordinarju, ir-rebbiegħa tar-ruħ, li fih aħna niskopru mill-ġdid il-kelma tiegħu u ngħixu biha, niskopruha bħala dik il-frotta “bnina li tajba għall-ikel, li tħajrek fil-għajn u tagħtik id-dehen”. Aħna niskopru wkoll li Alla mhuwiex gadget, Alla mhuwiex qaddej tal-kapriċċi tiegħi, he is not the servant of my whims, imma jien il-privileġġ tiegħi u d-dinjita tiegħi hija li ngħidlu: “tkun magħmulha r-rieda tiegħek”, “your will be done, your kingdom come”.

    Nitolbuh ukoll li aħna u nippreparaw biex inġeddu l-impenn tagħna fl-Għid qaddis, neħilsu bħalma l-Knisja tagħmel fl-iskrutinji tal-katekumeni mill-idoli kollha: “lil Alla biss għandek tadura u lilu biss taqdi”. Meta qed ngħidu naduraw lil Alla, mhux biss nitrattawh ta’ Alla li hu, imma anke nfaħħruh. Il-liġi ċivili tista’ tgħidilna li huwa issa legali żżeblaħ lil Alla u tivvilivih, imma aħna nfaħħruh, dik ir-risposta tagħna. Il-liġi ċivili tista’ tgħid li ż-żwieġ li kif ħalqu Alla ma jgħoddx, imma aħna inkomplu ngħożżu ż-żwieġ kif ħalqu Alla minkejja d-dgħufija tagħna, waqt li nxandru kontinwament il-wiċċ ħanin tal-Mulej.

    Ippermettuli – għax kont qed naħseb f’Andrew, għalhekk kont se nkellem lilek, imma ħa nkellem lil kulħadd – ippermettuli ngħidilkom kelma ta’ grazzi. Għalina l-Isqfijiet, qed ninterpreta wkoll is-sentiment tal-maħbub Arċisqof Emeritu Pawlu, għalina l-Isqfijiet hija konsolazzjoni kbira li nkunu magħkom u fostkom, li aħna jkollna dan il-privileġġ li niltaqgħu magħkom uliedna għax aħna niltaqgħu ma’ ħafna nies, u niltaqgħu ma ħafna ċirkostanzi, kultant ostili, imma inti li tħossok one of the family, hija konsolazzjoni kbira għalina.

    Ħa ngħidilkom xi ħaġa li laqtitni. Jiena ma nafx xi tfisser, imma se ngħidha. Intom veru bdejtu fis-7 ta’ Marzu 1987? F’din il-ġurnata bdiet xi ħaġa oħra Malta, is-Soċjeta tad-Duttrina Nisranija, 80 sena bil-ġurnata, tana rigal ieħor: lilkom. Jiena ma nafx il-fundatur jekk hux se jkun ikkanonizzat ukoll, għax jiena minix profeta u lanqas irrid li b’dan li qed ngħid intelliflek il-ġenna, Andrew, irrid noqgħod attent jien għax jiena minix tentatur. Jiena ħadt pjaċir, imma ħadt pjaċir u jiena nixtieq ngħidha lil uliedek spiritwali biex jitgħallmu minnek, ħadt pjaċir li f’din il-ġurnata mqaddsa inti il-ħin kollu tirreferi lil Alla u tfaħħru. Inti insistejt u għamiltilna katekeżi li dan huwa xogħol tal-Mulej u mhux tagħna, “mhux lilna, Mulej, mhux lilna, imma lill-Isem tiegħek agħti glorja”. Dik li San Ġorġ Preca kien isejħilha l-intenzjoni retta.

    Hemm providenza f’din ir-realtà li aħna qeghdin niċċelebraw it-tletin sena tagħha, mhux biss li s-7 ta’ Marzu, huwa seven u three jiġifieri ma stajtux tagħżlu numri iżjed perfetti minn hekk. Alla qed jieħu ħsieb lil din il-Gżira, bħalma ħa ħsiebha fl-1907, ħa ħsiebha fl-1987, u se jibqa’ jieħu ħsiebha permezz tagħkom. Ħossukom protagonisti fil-ħajja tal-Knisja f’Malta, ħossukom protagonisti, ħossukom ulied denji tal-Knisja where you fully belong. L-Isqof qiegħed hawn biex jikkonfermakom fil-fidi u jgħidilkom ‘grazzi’ f’isem il-Mulej, jgħidilkom ‘kuraġġ’ f’isem il-Mulej, imma bil-kundizzzjoni li t-tliet risposti ta’ Ġesù lil Satana nagħmluhom tagħna u li Adam il-ġdid irrisponda lit-tentatur f’isimna, ħa fuqu l-waqgħat tagħna biex bir-risposti tiegħu aħna, almenu din id-darba, ngħaddu mill-eżami. Hu tana risposti tajba mill-Kelma tal-Mulej: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla”. “Hemm miktub ukoll: ‘iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek’” għax hemm miktub “lill-Mulej Alla tiegħek, għandek tadura u lilu biss taqdi”.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta