• Direttur: Garinder Chadha

    Atturi: Hugh Bonneville, Gillian Anderson, Manish Dayal, Huma Qureshi, Michael Gambon,  Simon Callow, Lily Travers u Om Puri

    Ħin tal-Film: 106 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd. 

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12

    Viceroy’s House ġewwa Delhi hi d-dar fejn kienu jgħammru l-Brittaniċi li kienu jaħkmu l-Indja għal tliet mitt sena sħaħ. Din il-ħakma kienet waslet fi tmiemha u għal sitt xhur, fl-1947, Lord Earl Mountbatten, il-pro-neputi tar-Reġina Vittoria jintbagħat mill-gvern Ingliż biex ikun hu  li jgħaddi l-poter lura lill-poplu Indjan. Fid-dar, Lord Mountbatten u l-familja kienu jgħixu fis-sular ta’ fuq waqt li isfel kienu jgħixu mal-ħames mitt Hindu, Musulmani u Sikhs li kienu jaħdmu fid-dar bħala sefturi. It-triq għall-indipendenza ma kienitx faċli u l-politikanti ewlenin: Nehru, Jannah u Gandhi ltaqgħu fid-dar biex jiddiskutu kif sejra ssir il-qasma ta’ dan il-pajjiż enormi. Bla dubju ta’ xejn kien sejjer ikun differenzi kbar  fl-opinjonijiet ta’ kif sejjer isir dan. Ir-riżultat ta’ dawn il-laqgħat żviluppa f’konflitt serju. Waħda mid-deċiżjonijiet li ttieħdu kien li jinħoloq pajjiż ġdid għall-Musulmani. Din id-deċiżjoni kienet il-kawża ta’ konsegwenzi kbar li għadhom jinħassu sallum. Il-film jeżamina bir-reqqa dawn l-avvenimenti li ġraw f’dan il-perjodu tant delikat għal futur ta’ tant nies fosthom iż-żwieġ bejn Dickie u Edwina Mountbatten u r-rumanz ta’ mħabba bejn Jeet, żagħżugħ Hindu li kien jaħdem bħala seftur fil-Viceroy’s House u Aalia li kienet Musulmana. Dawn il-maħbubin għalkemm sabu ruħhom f’konflitt mal-familja Mountabatten kif ukoll mal-komunitajiet tagħhom stess, Hindus u Musulmani,  qatt ma tilfu t-tama li xi darba jkunu ta’ xulxin. Il-qsim ta’ dan is-subkontinent f’żewġ pajjiżi distinti u indipendenti  minn xulxin:  l-indja għall-Hindus u l-Pakistan għall-Musulmani kien ifisser li ‘l fuq minn 14 -il miljun  ruħ sabu ruħhom spostati minn djarhom u pajjiżhom u iktar minn miljun ruħ massakrati waqt l-irvellijiet li ġraw tul il-pajjiż kollu. Siltiet minn gazzetti ta’ dak iż-żmien joħloq forma ta’ dokumentarju ħaj u reali għal dak li fil-fatt kien għaddej. Jinna, il-mexxej u fundatur tal-Pakistan, Nehru, il-mexxej tal-Indja u Mahatma Gandhi li kien għal kollox kontra li ssir din il-qsim juruna s-sehem li taw f’dawn it-taħdidiet.

    Film stroriku u drammatiku, taħt id-direzzjoni ta’ Garinde Chadha, kitba ta’ Paul Mayeda Berges, Moira Buffini u Chadha jtina stampa ċara ta’ dak li seħħ u l-kosegwenzi li ġraw fis-subkontinent Indjan fis-sena 1947. Tajjeb li dan il-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.