• It-Tlieta 14 ta’ Marzu 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-25 sena ta’ Radju RTK, fis-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù. L-Arċisqof wassal ukoll messaġġ f’dan l-anniversarju.
  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Is-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù
    14 ta’ Marzu 2017

    “Isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom prinċpijiet ta’ Sodoma, agħtu widen għat-tagħlim ta’ Alla tagħna, intom in-nies ta’ Gomorra” (Is 7, 10). Dawn iż-żewġt ibliet, Sodoma u Gomorra, taw isimhom fil-kultura Ebrajka, Nisranija u anke oċċidentali, għal ambjenti l-iżjed ostili, diffiċli, u stinati. M’hemmx għalfejn ngħidu Sodoma x’isem tat u x’fama ħalliet. Gomorra, ftit tas-snin ilu, saret ukoll l-isem ġdid għall-Camorra, imma fl-istess ħin, il-kelma tal-Mulej, it-tagħlim ta’ Alla tagħna, huwa dirett anke lil dawn l-ambjenti u lil dawn l-ibliet.

    L-ewwel vers ta’ din il-profezija ta’ Isaija joqgħod għal kwalunkwe kuntest fejn il-messaġġ Nisrani jrid jasal minkejja l-fatt li jrid jasal f’ambjent ostili. Il-Mulej ikompli jħabbar l-istedina: “Inħaslu u tnaddfu”, u mhux qed jgħid għall-money laundering, għall-flus, imma qed jgħid għall-qlub tal-bnedmin: “Neħħu l-ħażen ta’ għemilkom minn quddiem għajnejja, ieqfu mill-ħażen. Tgħallmu għamlu t-tajjeb” (v. 16). 

    Interessanti ħafna li l-Mulej jagħmlilna kuraġġ b’din il-kelma għax jindikalna li aħna l-bnedmin, li ħafna drabi aħna sedotti mill-ħażen, għandna bżonn nitgħallmu “Nagħmlu t-tajjeb … fittxu d-dritt, sewwu l-inġustizzji, iddefendu l-iltim, aqbżu għall-armla” (v. 17). Inħoss li dawn il-kliem profetiċi joqgħodu wkoll għall-missjoni ta’ radju li jrid ikollu ispirazzjoni Nisranija. L-ewwel nett irid ikun kelma safja, vera u ġusta fi kwalunkwe ambjent, anke f’ambjenti l-iżed ostili; trid tkun kelma li tasal għall-qalb tal-bniedem u li tgħin lil bniedem fit-triq tat-tagħlim tat-tajjeb: “Tgħallmu għamlu t-tajjeb”.

    Il-Mulej jispjega xi jrid jgħid b’dawn il-kliem: “Fittxu d-dritt”, f’polemika ma’ min it-toroq tiegħu huma mgħawwġa; “Sewwu l-inġustizzji” ma min forsi l-istil tal-ħajja tiegħu, tat-tmexxija tiegħu, hija bbażata fuq l-inġustizzji. U fuq kollox, il-vokazzjoni ta’ kelma sabiħa u Nisranija, trid tiddefendi l-vulnerabbli, l-iltim, il-persuna li m’għandhiex ġenituri min jieħdu ħsiebha, l-armla li m’għandhiex raġel min imantnieha u jsostnieha. 

    Il-Mulej Ġesù, fl-Evanġelju li għadna kemm smajna llum, jitkellem dwar sitwazzjoni fejn il-kliem ma jiġix sostnut, ikkonfortat u mwettaq bl-għemil: “Kliem biss għandhom, imma fatti xejn” (Mt 23, 3). Il-Knisja f’Malta, hi u tiċċelebra ħamsa u għoxrin sena ta’ xandir permezz tar-radju, Radju RTK, trid tkompli timpenja ruħha li l-kelma tagħha tiġi sostnuta u kkonfermata bl-għemil għaliex inkella ma nkunux verament tgħallimna nagħmlu t-tajjeb. Imma l-kelma għandna bżonnha għax is-silenzju tal-oqbra mhix għażla leġġittima għall-Knisja, la għall-Isqof u lanqas għall-komunità Nisranija.

    Il-Mulej Ġesù jitkellem fuq “Il-katedra ta’ Mose”. Il-katedra huwa s-siġġu tal-awtorità li huwa wkoll l-element tat-tagħlim. Min joqgħod fil-katedra għandu l-missjoni li jgħallem. “Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej” (v. 2). Ġesù jikkonferma l-awtentiċità tat-tagħlim tagħhom: “kull ma jgħidulkom huma, agħmluh u ħarsuh”, imma għandu kliem ta’ diżappunt għal min jgħallem u ma jagħmilx dak li jagħmel: “tagħmlux bħalma jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn” (v 3).

    Aħna u niċċelebraw ħamsa u għoxrin sena ta’ xandir fuq ir-radju, irridu wkoll niċċelebraw ħamsa u għoxrin sena u iżjed ta’ volontarjat, ta’ ħidma soċjali b’risq in-nies vulnerabbli. Jiena nixtieq ukoll insemmi r-rwol importanti li l-RTK dejjem kellu biex jippromwovi l-volontarjat tal-Knisja, is-servizzi soċjali tal-Knisja; biex insemmi eżempu wieħed, il-kampanja kontinwa favur id-Dar tal-Providenza. Il-kelma mxandra kompliet dejjem issostni l-fatti, kompliet dejjem issostni l-għemil ta’ karità, ta’ mħabba u ta’ solidarjetà.

    Il-Mulej Ġesù jgħallimna wkoll f’dan l-Evanġelju, li għandu jkun ta’ awto-kritika kbira għalina, li l-leadership awto-suffiċjenti ma jagħmilx sens fil-komunità tad-dixxipli tiegħu. Li wieħed isejjaħ lilu nnifsu ‘Rabbi’ (ara v. 7), u mingħalih se jgħallem minn żniedu, mhuwiex qed ikun qaddej tal-Mulej. Lanqas min isejjaħ lilu nnifsu mexxej, għax aħna nafu min hu l-Imgħallem tagħna, nafu min hu l-mexxej tagħna (ara v. 10), u nafu wkoll li għallimna l-istil tal-qadi, “il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom” (v. 11).

    Ħafna drabi nħarsu lejn l-istatistiċi u x-xewqa tagħna tkun li s-semmiegħa tal-RTK jiżdiedu, mhux jonqsu. Ħafna drabi nħossu li qegħdin ngħumu f’ambjent ostili ħafna u li l-kompetizzjoni hija qawwija wisq. Huwa l-mument li aħna ma naqtgħux qalbna milli nkunu ta’ servizz, b’determinazzjoni u anke b’effiċjenza rinnovata. Is-servizz li jagħti l-RTK – biex nuża’ espressjoni li qsamt mall-kollegi tiegħi u hekk nixtieq li jkun – għandu jkun oazi fejn f’dan il-pajjiż kulħadd jingħata ċ-ċans jesprimi ruħu, ikun oazi fejn fid-dezert ta’ kundanni reċiproċi, kliem aħrax, u kultant ukoll tfigħ ta’ tajn a volontà, ikun hemm ambjent fejn kulħadd jista’ jesprimi l-opinjoni tiegħu b’serenità u jkun hemm dibattitu sinċier, leali u rispettuż.

    Qed ngħid ‘oazi’ għaliex kultant l-ambjent soċjali tagħna huwa immaġini karka ta’ Sodoma u Gomorra, ambjent vjolenti, u nħoss li fil-midja għandna bżonn ambjent fejn kulħadd iħossu at home u kulħadd jista’ jesprimi l-opinjoni tiegħu, imma b’għażla li ma nistgħux inċeduha, li bl-Ingliż nagħżel li nsejħilha non-negotiable. Il-messaġġ tal-RTK irid ikun messaġġ li jfittex id-dritt, li jsewwi l-inġustizzja, li jiddefendi l-iltim u jaqbeż għall-armla.

    Aħna, fis-soċjetà tagħna, għandna diversi realtajiet ta’ vulnerabbilità: il-ħaddiema li jaħdmu bil-minimum wage, l-ambjent, għandna aspetti tal-ħajja tagħna li għandhom bżonn urġenti ta’ min jiddefendihom, u din l-għażla favur ambjenti, persuni u realtajiet vulnerabbli u ta’ faqar trid tkun għażla preferenzjali f’din l-oazi fejn kulħadd għandu ċittadinanza, imma ċittadinanza bbażata mhux biss fuq ir-rispett lejn il-verità, imma wkoll fondamentalment rispett lejn il-persuna.

    “Jekk tgħidu le u twebbsu raskom, ix-xabla tikolkom” (Is 1, 20). Din hija l-profeżija ta’ Iżaija, imma l-istedina tal-Mulej hija li aħna “Nirraġunaw flimkien għax imqar jekk dnubietna huma ħomor bħal iskarlatt”, bil-qawwa tal-Mulej “Isiru bojod bħas-silġ; imqar jekk huma ħomor bħal kremżi, isiru bojod bħas-suf” (v. 19).

    Aħna irridu nobdu kif jixtieqna l-Mulej, irridu nitgħallmu nagħmlu t-tajjeb, u għalhekk nitlob, aħna u nibdew ħamsa u għoxrin sena oħra, biex ir-rinovament teknoloġiku, maniġerjali tal-RTK, ikollu wkoll dan l-għan li, bil-kelma li ssostni l-fatti u ma tkunx biss kelma vojta mingħajr fatti, l-RTK ikun ta’ servizz għas-soċjetà Maltija għal kull min irid jisma’.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja