• L‑Arċidjoċesi ta’ Malta ser tfakkar l‑ewwel anniversarju mill‑mewt tal‑Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca. Nhar it‑Tnejn 20 ta’ Marzu 2017, Solennità ta’ San Ġużepp, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra Quddiesa fil‑Katidral tal‑Imdina, fis‑6:00 p.m., b’suffraġju għal Mons. Ġużeppi Mercieca. Fi tmiem il‑Quddiesa, l‑Arċisqof ibierek il‑qabar ta’ Mons. Mercieca fil‑Katidral stess.

      It‑Tlieta 21 ta’ Marzu, jum l‑anniversarju tal‑mewt ta’ Mons. Mercieca, l‑Arċisqof ser jiċċelebra Quddiesa fil‑Kappella tal‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Wara, fil‑Kurja stess, ser issir attività kommemorattiva b’diskors mill‑Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi. Il‑programm jinkludi filmati tal‑Arċisqof Mercieca u s‑sehem ta’ kor tat‑tfal mill‑Iskola Primarja ta’ St Francis, Bormla. Matul din l‑attività ser jiġi mniedi it‑tieni ktieb dwar l‑Arċisqof Ġużeppi Mercieca “bit‑tema Ragħaj għal kull staġun”, miktub minn Charles Buttigieg. Din it‑tifkira tagħlaq b’messaġġ tal‑Arċisqof Scicluna. 

      L‑Arċisqof Ġużeppi Mercieca miet fis‑7:20 a.m. tal‑21 ta’ Marzu 2016, fl‑età ta’ 87 sena.