• It‑Tlieta 21 ta’ Marzu 2017, jum l‑anniversarju tal‑mewt ta’ Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ppresieda u ndirizza attività kommemorattiva li matulha tnieda t‑tieni ktieb dwar l‑Arċisqof Ġużeppi Mercieca “bit‑tema Ragħaj għal kull staġun”, miktub minn Charles Buttigieg. Il‑programm kien jinkludi diskorsi mill‑Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi, u s‑sehem ta’ kor tat‑tfal mill‑Iskola Primarja ta’ St Francis, Bormla, fejn kien jattendi Mons. Mercieca. L‑Arċisqof Ġużeppi Mercieca miet fis‑7:20 a.m. tal‑21 ta’ Marzu 2016, fl‑età ta’ 87 sena.


  • The Commemoration Activity on YouTube

  • The Message by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Ir-Refettorju tal-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana
    21 ta’ Marzu 2017

    L-ewwel nett nixtieq insellem b’mod speċjali lill-E.T. Mons. Mario Grech, l-Isqof t’Għawdex, l-E.T. Mons. Pawlu Cremona, l-Arċisqof Emeritu, u nirringrazzjakom ilkoll tal-preżenza tagħkom hawnhekk.

    Gratitudni speċjali lilek, Charles Buttigieg, mhux biss tal-ktieb enormi li pproduċejt imma nirringrazzjak ukoll talli pprovdejtilna kumpann għall-memorji ta’ Mons. Ġużeppi Mercieca li inti għentu ħafna biex ikun jista’ jippublikahom, u tal-lealtà tiegħek li hija ta’ eżempju.

    Tipika tiegħu, laqtitni aħna u nisimgħuh għaxar snin ilu, fl-2007, jgħid “li għadda, għadda”. Imma nixtieq nikkwalifikaha l-espressjoni tal-maħbub Mons. Mercieca. għaliex aħna għandna dover inżommu ħajja l-memorja tiegħu, ngħożżu l-patrimonju tiegħu.

    Fr Joe Galea Curmi, Mons. Vigarju, spjegalna li għandna patrimonju ħaj tiegħu fl-esperjenza tas-Sinodu u fid-dokumenti tas-Sinodu, li hija esperjenza ukoll li trid tiġġedded mhux biss fil-kontenut, imma anke bħala esperjenza ta’ Knisja. Inti fakkartna li s-Sinodu ta’ qabel kien sar 300 sena qabel, imma m’hemmx għalfejn nistennew 300 sena oħra, anke fi żmienna nistgħu naħsbu wkoll biex inkunu nistgħu naraw fiex wasalna.

    Il-kliem profetiku ta’ Mons. Mercieca, għaxar snin ilu, huwa attwali u urġenti. Minn dak iż-żmien, dak li hu kien qed jibża’ li se jiġri, ġara, u għandna wkoll liġijiet oħrajn li jagħtu dimensjoni ġdida lill-ħajja inter-personali, li għandhom il-valur tal-inklussività imma li joffru wkoll sfida kbira lill-Knisja biex tkompli tirrifletti fuq ir-rieda ta’ Ġesù li tkun fidila lejn l-Evanġelju taż-żwieġ, mingħajr ma toħloq ħitan li jġegħlu lil xi ħadd iħossu eskluż.

    Din hija sfida li aħna l-Isqfijiet llum għandna, imma għandna wkoll il-grazzja tal-Papa li mhux biss jixbah lill-Mons. Mercieca fiżikament – għax fil-bidu malli laħaq il-Papa Franġisku, qalu: “ara kemm jixbah lil Mons. Mercieca” u laħaq ukoll qallu xi ħadd lil Mons. Mercieca: “kemm jixbħek il-Papa” – imma kif għedtilna inti, Fr Joe, hemm l-ispirtu li aħna nsibu fl-Evangelii Gaudium, fil-Laudato Si, dawn huma dokumenti ppublikati mill-Papa Franġisku, u anke f’Amoris Laetitia li jfakkruna ħafna fil-kliem, fil-ġesti, fl-istil ta’ Mons Mercieca.

    Jiena nixtieq infakkru dan il-mument, fakkartni f’diversi aspetti, ilbieraħ filgħaxija, dalgħodu waqt l-omelija, imma hawnhekk illum nixtieq infakkru bħala l-Isqof li dejjem xtaq u kien ħafna qrib il-poplu tagħna. Ma kienx ikun hemm inċident serju – per eżempju xi kamra tan-nar  – li ma tarahx isejjah id-driver biex imur. Hu kien ikun minn ta’ l-ewwel li jkun qrib min huwa imġarrab. Insemmi wkoll il-viżti tiegħu regolari fl-isptarijiet, ix-xewqa tiegħu li jżur il-ħabs u ambjenti oħra fejn kien hemm it-tbatija.  

    Nixtieq insellimlu għal dak li għamel biex aħna jkollna skejjel tal-Knisja li huma mwettqin fl-awtonomija, fl-identità u l-karattru tagħhom. L-iskola Kattolika trid tkun bieb miftuħ għall-umanità, hija espressjoni tad-dritt tal-libertà reliġjuża u fi ħdanha trid ukoll tirrispetta l-libertà reliġjuża.

    Aħna ma nibżgħux minn din il-vokazzjoni nklussiva għax nemmnu li hi għajn mhux biss ta’ faraġ imma anke ta’ arrikiment kbir. Mons. Mercieca ħadem biex aħna, il-Maltin u l-Għawdxin, inkunu nistgħu nħarsu lejn xulxin. L-ewwel ħaġa li niftakru hija li aħna aħwa, li aħna bnedmin, imsejħin biex ngħixu flimkien fil-paċi u fis-sliem. Dan huwa messaġġ urġenti llum, attwali u importanti.

    Aħna l-Maltin qed inħossuna ċittadini mhux biss tal-Ewropa imma tad-dinja, u allura għandna l-vokazzjoni ġdida li meta nħarsu lejn il-bnedmin ħutna – mhux biss lejna nfusna u lejn xulxin – imma lejn il-bnedmin ħutna, anke jekk ikunu ta’ razza u reliġjon differenti, fihom l-ewwel nett niltaqgħu max-xbieha ta’ Alla, mal-bnedmin, sħabna u ħutna. Dan huwa challenge, din hija sfida kbira. Aħna nitolbu l-interċessjoni ta’ Mons. Ġużeppi Mercieca li aħna, maqgħudin miegħu fix-xirka tal-qaddisin, nirrinrgrazzjaw lill-Mulej tad-don li tana fih u permezz tiegħu, u nwegħduh ukoll li l-patrimonju u x-xhieda li ħallielna mhux biss ma ninsewhiex imma nibnu fuqha.

    Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. 

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Photos: Curia Communications Office