• Il-Ħadd 26 ta’ Marzu 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali u ltaqa’ mat-tfal tal-Parroċċa San Sebastjan, Ħal Qormi. 

    Click here to view all the photos of the Celebration of Mass.

  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi
    26 ta’ Marzu 2017

    L-ewwel nett nerġa’ nagħti merħba kbira u speċjali lilkom it-tfal.

    Jiena trabbejt hawnhekk Ħal Qormi sakemm kelli sittax-il sena u l-ewwel tqarbina meta kelli sitt snin, ilu ftit fl-1965, għamiltha f’din il-knisja, intom tafu fejn isfel, il-kripta? Xi darba għidulhom lill-ġenituri jeħdukom ukoll, tmorrux weħidkom, fil-kripta. Aħna konna ngħidulha l-kripta. Imbagħad fl-1967, kelli tmien snin, għamilt il-Griżma tal-Isqof, ġie l-Isqof ta’ dak iż-żmien jismu Gonzi u għamlilna l-Grizma. Il-parrinu kien in-nannu, dak li kien kok, kelli n-nannu u n-nanna ta’ Ħal Qormi wkoll.

    Huwa ta’ ferħ kbir għalija wkoll li wara ħafna snin niġi hawnhekk bħala l-Isqof tagħkom, dak li jieħu ħsieb il-Knisja f’Malta anke l-parroċċa għażiża ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi.

    Illum kellna Evanġelju (Ġw 9, 1-41) twil ħafna, hux veru kien twil? Għajjejtu tisimgħuh naħseb u hemm ħafna affarijiet sbieħ, imma ma nistgħux nitkellmu fuq kollox għax inkella tibdew tgergru fuq l-Isqof Charles u meta tarawni tibdew tiġru kemm jista’ jkun malajr.

    Ħsieb ċkejken. Ħa niftakru din il-ħaġa għax fl-Evanġelju nirrepetuha ħafna. X’għamel Ġesù lil wieħed raġel li twieled imma ma jarax. Agħlqu għajnejkom, x’qed taraw? Xejn! Iftħuhom issa. Aħna għandna l-grazzja li naraw. Ma nafx jekk smajtux bit-tifel Samwel li jidher fuq ‘Xarabank’, meta kellna l-Istrina. Dak tamparkom, m’għadux jara, Samwel.

    Dan ir-raġel li Ġesù ltaqa’ miegħu, ma kienx jara mit-twelid. Twieled agħma u Ġesù jħenn għalih. X’jagħmel Ġesù? Bil-bżieq tiegħu jagħmel ftit tajn, idellkulu ma’ għajnejh u mbagħad x’jgħidlu? Ħa nfakkarkom jien għax l-Evanġelju kien twil. “Mur inħasel”, tiftakruh din? “Mur inħasel u tiġi tara”. Fil-fatt din il-ħaġa jirrepetieha anke r-raġel. “Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamilli ftit tajn, dilikli għajnejja bih u qalli: ‘mur fis-Silwam’ – kien qisu pool kbir fejn it-tempju – ‘u nħasel hemm’. Mort inħsilt u ġejt nara”.

    Dan l-Evanġelju l-Insara dejjem kienu jużawh – l-Insara min huma? Aħna. Minn fejn ġejja l-kelma Nsara? Għax Ġesù kien minn Nazzaret. Bravi! Allura aħna n-Nazzrin, l-Insara, minn hemmhekk ġejja, aħna Insara għax aħna nimxu wara Ġesù ta’ Nazaret. L-Insara kienu jużaw dan l-Evanġelju bħala tħejjija tal-Magħmudija. Intom tgħammidtu meta kontu babies, ma tiftakrux. Imma hawn il-kbar, uħud li tgħammdu kbar u jiftakru. Inti fil-Magħmudija, x’nagħmlu fil-Magħmudija? Nitfgħu l-ilma u ngħidu: “jiena ngħammdek fl-Isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”. Ninħaslu, il-kbar hawn min anke iniżżilhom f’għadira.

    Dan ir-raġel obda lil Ġesù, mar jinħasel u beda jara, għax il-Magħmudija tiftaħlek għajnejk. Ħa ngħidilkom kif tiftaħlek għajnejk. Inti tiltaqa’ ma’ sieħbek u jkollok ix-xewqa tagħtih daqqa biex tweġġgħu, imbagħad tiftakar li dak huwa ħuk, Nisrani bħalek u Ġesù qed jgħinek tagħraf mhux l-għadu imma l-ħabib. Xorta rajtu kif kien qabel, imma hemm xi ħaġa li aħna naraw bil-qalb. Xi ħadd jagħmilli l-ħsara, x’se nagħmel, inpattihielu? X’jgħidli Ġesù? Tpattihiex, ħobb lill-għadu tiegħek. Mela jien Ġesù qed jgħallimni nara lil ħaddieħor b’mod differenti. Mingħalija kont nara, imma issa qed nara bl-għajnejh tal-qalb.

    Anke l-ġenituri, ikollhom baby, qed jaraw il-frott tal-imħabba tagħhom. Imma jħarsu lejn il-baby, meta ma jkunx qed jibki ħafna, u jgħidu: “dan hu rigal tal-Mulej”. Aħna nħarsu, ġieli mortu fil-kampanja? Ġieli għamiltu hike, il-kbar minnkom? Tieħdu pjaċir fil-kampanja? Sabiħa l-kampanja? Mela, l-Mulej jagħtina d-dawl biex fil-kampanja ngħidu: “dak ħolqien ta’ Alla”, mhux neqirduha, nieħdu ħsiebha. Dan hu d-dawl li jagħtina l-Mulej.

    Ħa nispiċċa b’sentenza li qalilna San Pawl, fit-Tieni Qari: “Stenbah, int li rieqed u qum mill-imwiet ħa jiddi fuqek Kristu” (Ef 5, 14). Aħna fir-Randan, nitolbu ’l Mulej biex inqumu mir-raqda tagħna. Per eżempju, ili ma niġi l-quddiesa nhar ta’ Ħadd, “stenbaħ int li rieqed”. Ili ma nitlob, “stenbah int li rieqed”. Ili ma nqerr, “stenbaħ int li rieqed”. Ili ma niġi l-eżerċizzi, “stenbaħ int li rieqed. Qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu”.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja