• Fil-jiem li għaddew, f’Ruma sar kungress sabiex ifakkar il-150 sena minn meta twaqqfet l-Azzjoni Kattolika.

    Għal dan il-għan, aktar minn 300 persuna, fosthom kardinali, isqfijiet, saċerdoti u lajċi minn 52 pajjiż differenti nġabru sabiex jiddiskutu u jfakkru dan l-avveniment.

    F’isem Malta kien hemm il-President tal-Azzjoni Kattolika Maltija Josef Debono, il-Vici President Marija Cachia, il-President tal-Azzjoni Kattolika f’Għawdex Antoine Vassallo u l-Assistent Ekkleżjastiku tal-fergħa taż-Żgħażagħ Fr Reuben Gauci.

    Il-familja Maltija li rrappreżentat lill-familji tal-Azzjoni Kattolika, hi l-Familja Debono, il-familja tal-Azzjoni Kattolika Maltija Josef Debono, iffurmata minn martu Daniela u wliedhom Gabriel, Francesca u Luke.

    Waqt il-kungress tkellem ukoll il-Papa Franġisku, fejn lill-membri tal-Azzjoni Kattolika u lil dawn il-persuni li ġew ispirati mill-Azzjoni, ħeġġiġhom sabiex ikunu protagonisti ewlenin fir-realtajiet differenti li għandha l-Knisja waqt li jżommu għajnejhom miftuħa sabiex ma jintilfux fit-tlellix  li jistgħu jtellfulhom it-triq li twassal għand Kristu.

    Wara l-kungress, f’Ruma stess, saret l-Assemblea tal-Forum Internazzjonali tal-Azzjoni Kattolika (FIAC). Kull tliet snin il-membri tal-AK jiltaqgħu sabiex jaraw x’sar u jfasslu pjan għas-snin li ġejjin. Waqt il-FIAC ġie elett tim ġdid ta’ koordinament li se jmexxi għall-erba’ snin li ġejja, magħmul mill-Presidenti tal-AK tal-Arġentina, l-Italja, Spanja, il-Burundi u s-Senegal.