• Direttur:          Ridley Scott

    Atturi:         Michael Fassbender, Katherine Waterston, Billy Crudup, Danny McBride, Demiàn Bichir, Carmen Ejogo, Amy Seimetz u Jussie Smollett

    Ħin tal-Film:   123 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Il-film Alien: Covenant,  hu l-istorja li tkompli fuq  il-film Prometheus, li d-direttur Ridley Scott kien iddirieġa fl-2012. Kien film li pprepara għall-ġrajjiet ta’ konkwisti fl-ispazju ta’ pjaneti oħra għall-umanità. Il-film Prometheus kien imur għas-sena 2094. Il-film Alien: Covenant iseħħ għaxar snin wara, fis-sena 2104 fejn insibu l-vapur spazjali Covenant jinsab fuq vjaġġ  fl-ispazju bl-intenzjoni li wara tant snin ta’ vjaġġ iwaqqaf pjantaġġun f’dinja fejn kien jidher li kienet possibbli li tgħix ħajja umana.  Kollox kien jidher li fuq il-vettura spazjali kien sejjer skont kif kien ippjanat. Fuq il-vettura kien hemm mal-elfejn ruħ abbord u dawn kienu jinsabu lkoll reqdin f’raqda profonda, ħlief għall-ekwipaġġ u  Walker, robot sintetiku li kien jinsab idur il-vettura biex jara li kollox sejjer sew.

    L-għan tal-vettura kienet li tasal fuq il-pjaneta remota Origae-6 li kienet tinsab ‘l barra sew fil-galassja. Kien ittamat li dawn l-elfejn ruħ jistabbilixxu ruħhom  f’dinja ġdida għall-umanità. It-trankwillità tinkiser meta nċident li seħħ  barra l-vettura, mhux biss kellu konsegwenzi li mietu numru ta’ nies abbord, iżda kkawżat ukoll li l-vettura tilfet id-direzzjoni lejn il-missjoni li kienet ippjanata għaliha. Il-membri  tal-ekwipaġġ jintebħu li d-direzzjoni ġdida kienet sejra twassalhom fuq dinja li ma kienitx immarkata fuq ċart. Din id-dinja ġdida kienet tidher muntanjuża u miksija bi sħab, barra s-sajjetti u l-beraq li kienu jfaqqgħu fuq l-art, b’ħafna siġar kbar kif ukoll din kienet qrib iktar mill-pjaneta Origae-6. Din il-pjaneta wkoll kienet tixbaħ ħafna d-dinja tagħna. Meta jinżlu numru ta’ nies fuqha,  ssibu wkoll li f’din id-dinja kienet bil-wisq iktar terribbli milli qatt kienu jobsru jew jimmaġinaw. X’instab f’din id-dinja li  jidher li kienet sejra toffri problemi kbar għall-kulħadd kif ukoll theddida għall-ħajjithom?                    

    Film Amerikan ta’ fantaxjenza u tal-biżà taħt id-direzzjoni ta’ Ridley Scott, kitba ta’ John Logan u Dante Harper, storja msejjsa minn Michael Grenn u Jack Paglen. Dan hu s-sitt film fis-serje Alien, it-tielet wieħed taħt id-direzzjoni ta’ Scott. Minħabba vjolenza, bizà kif ukoll qtil u dmija, mostri tal-waħx, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.