• Direttur:          William Oldroyd

    Atturi:              Florence Pugh, Cosmo JarvIs, Paul Hilton, Naomi Ackie u Christopher Fairbank

    Ħin tal-Film:    89 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    L-istorja tal-film teħodna fil-grigal tal-Ingilterra fis-sena 1865 fejn niltaqgħu ma’ Katherine, tfajla ta’ dsatax-il sena li tingħata fi żwieġ lil Alexander, raġel bil-wisq ikbar minnha fl-età, infeliċi ħafna u sesswalment inadegwat. Kien it-tifel eredi ta’ Boris, sinjur kbir u li kien jippossiedi barriera. Boris kien immexxi daru b’id tal-ħadid u kien jinsisti ma’ Katherine li kellha tkun mara modesta u sottomessa għal kollox għal żewġha u postha dejjem fid-dar. Alexander kien ivvittimizzat u bbuljat minn missieru, b’riżultat li kien dgħajjef u mhux lest li jidħol għar-responsabbiltajiet ġodda bħala raġel miżżewweġ.  Dan jurih fl-ewwel lejl taż-żwieġ tiegħu.

    Kien tassew żwieġ li mill-ewwel deher li kien sejjer jispiċċa fi traġedja. Meta ftit ġimgħat wara ż-żwieġ, kemm Alexander kif ukoll missieru Boris kellhom jitilqu mid-dar għal żmien twil minħabba n-negozju li kellhom. Katherine msakkra f’dar kbira, kiesħa, fin-nofs ta’ medda xagħri, bla ħajja ta’ xejn, bla ma tagħmel xejn, sabet ruħha tassew f’qagħda mwegħra u ta’ dwejjaq. Iżda hi kienet determinata li żżomm l-ispirtu tagħha ħaj, wara kollox kienet għadha żagħżugħa u fl-aħjar tagħha. Kif sabet ruħha f’din il-qagħda, Katherine bdiet torqod għal ħinijiet twal, tixrob bla rażan iżda l-agħar bdiet tinġibed lejn Sebastian, żagħżugħ fuq tiegħu, tal-istess età u li ma baqgħax lura. Fi żmien qasir bdiet relazzjoni ta’ mħabba, relazzjoni li kellha toħloq inkwiet kbir. X’jiġri meta missier Alexander jiġi lura u jaffronta lil Katherine ghaliex  isir jaf xi affarijiet li hi kienet wettqet meta hu kien barra mid-dar? Kif jispiċċa l-konfront ta’ bejniethom? Xi jiem wara jitfaċċa Alexander għal għarrieda. Xi jsib u kif tintemm il-ġrajja?

    Film drammatiku Brittaniku, hu  taħt id-direzzjoni ta’ William Oldroyd, imsejjes fuq in-novella Lady Macbeth of the Misensk District, tal-kittieb Russu Nikolai Leskov.  Film bi storja drammatika għall-aħħar, sever u amorali, bl-attrici Florence Pugh, taħdem parti kariżmatika bħala qattiela eponika u bla ndiema. Minħabba xeni ta’ adulterju, vjolenza, abbuż sesswali fuq waħda mis-sefturi, kif ukoll l-istorja tal-film fosthom qtil ta’ tifel innoċenti, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.