• *****

    Diretturi:         Joachim Rònning u Espen Sandberg

    Atturi:              Johnny Depp, Javier Bardem, Brenton Thwaites, Kaya Scodelario, Kevin McNally u Geoffrey Rush

    Ħin tal-Film:    129 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12          

    Jack Sparrow kien għaddej minn żmien ħażin. Fost il-ħafna taħwid li kellu, sab ruħu wiċċ imb wiċċ mal-ikbar għadu li qatt kellu: Il-Kaptan Salazar. Salazar kien determinat li jeqred kull furban li kien jiġi quddiemu minħabba li sab ruħu fil-qagħda li issa kien jinsab fiha, dik ta’ kaptan ta’ xini fantażma, b’ekwipaġġ ukoll fantażmi. Biex iwettaq din ix-xewqa u vendetta, ħarab mit-Trianglu Djaboliku fejn kien jinsab fih dawn l-aħħar snin wara li ġie misħut. Hu kien ħalef li jġib fix-xejn lil Jack Sparrow li dejjem kien xewka għalih. Sparrow, barra li kellu jħabbat rasu ma’ Salazar, kellu wkoll il-ġustizzja tiġri warajh minħabba l-fatt li kien furban u n-Navy Ingliża dejjem xtaqet li ssib tarfu minħabba s-serq li kien iwettaq fil-Baħar Karibew.

    Barra dawn iż-żewġ problemi kbar, hu wkoll kellu furban ieħor, il-Kaptan Hector Barbossa, jiġri warajh minħabba li kien seraqlu t-teżor li kellu ġewwa sejf. L-uniku tama li kien għad baqagħlu biex joħroġ minn din il-qagħda kienet li jsib il-leġendarja Trident ta’ Poseidon. Iżda faċli tgħidha milli twettaqha l-iktar issa li kien partat il-kumpass maġiku ma’ flixkun xorb!  Kontra qalbu, kellu jidħol f’alleanza ma’ Carina Smyth, tfajla intelliġenti u astronoma li ukoll kellha xewqa kbira li tiskopri t-Trident ta’ Poseidon. Fl-avventura jidħol ukoll Henry Turner, baħri fir-Royal Navy, ġuvni mimli saħħa iżda li sab ruħu f’inkwiet kbir mas-surperjuri tiegħu. Henry kien l-uniku wieħed li baqa’ ħaj meta Salazar attakka x-xini Navali Ingliż. Hu wkoll xtaq li jakkwista t-Trident, arma ta’ qawwa kbira għaliex min kien jakkwistah, kien ikollu kontrol assolut fuq l-ibħra. Henry xtaq jaghmel dan biex jeħles lill-missieru, Will Turner, li waqa’ taħt saħta kif kien jinsab ukoll il-Kaptan Salazar. L-aħħar tama għalih kienet li jsalpa fuq ix-xini Dying Gull, biex flimkien ma’ Carina u Henry isibu t-Trident ta’ Poseidon. Tgħid jirnexxielhom jagħmlu dan u kif?

    Film Amerikan ta’ fantasija, hu l-ħames wieħed minn sensiela: Pirates of the Caribbean. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Joachim Rònning u Espen Sandberg, kitba ta’ Jeff Nathanson. Minħabba ġlied aħrax, avventuri ta’ konfużjoni u storbju sħiħ,  vjolenza u xi xeni tal-biża’, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.