• ****

    Direttur:          Alex Kurtzman

    Atturi:              Tom Cruise, Annabelle Wallis, Sofia Boutella, Jake Johnson, Courtney B. Vance u Russell Crowe

    Ħin tal-Film:    107 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

    Il-Principessa Ahmanet kienet tinsab l-ewwel post li tired lil missierha Menhptre u hekk issir il-Faragħuna fis-saltna antika ġewwa l-Eġittu. Iżda din ix-xewqa tintemm fix-xejn meta t-tieni mara tal-Faragħuni, weldet tifel u dan kien ifisser li hi kienet tilfet dan iċ-ċans. Iffissata li tkun hi li tired it-tron, Ahmanet tbiegħ ruħha lil alla Set li dan, min-naħa tiegħu, ta stallett li bis-saħħa tiegħu hi kienet kapaċi tittrasferixxi l-ispirtu tiegħu ġewwa forma korporali. Wara li toqtol lill-membri kollha tal familja tagħha, Ahmanet tħejji ruħha biex tisaggrifika lill-maħbub tagħha, iżda l-qassisin ta’ missierha joqtluh huma u lilha jimmumifikawha u jikkundannawha biex tindifen ħajja għall-eternità ġewwa l-Iraq.

    Lura fi żmien tagħna, Nick Morton u  sieħbu Chris Vail jinsabu l-Iraq fuq avventura u kienu jittamaw li jsibu xi teżor li jagħmilhom sinjuri.  B’xorti tajba għalihom u aċċidentalment jiskopru l-kripta kbira fejn eluf ta’ snin qabel, kienu difnu lil Ahmanet. Din l-iskoperta kienet riżultat ta’ attakk li l-allejati wettqu kontra r-ribelli. Jenny Halsey, arkeoloġista u darba l-maħbuba ta’ Nick tasal fuq il-post biex tinvestiga l-kripta. Jenny tikkonkludi li l-kripta kienet ħabs. Il-Kurunel Greenway, superjur ta’ Nick, jiddeċiedi li jittrasporta s-sarkofagu ta’ Ahmanet lejn l-Ingilterra. Iżda waqt it-titjira, Vail jinħakem mill-qawwa ta’ Ahmanet u wara li jittanta jiftaħ is-sarkofagu, joqtol lil Greenway u jattakka lill-grupp kollu. Nick jispara u joqtol lil Vail. Sadanittant mewġa kbira ta’ ċawl jattakka l-ajruplan li jikkraxxja u jmut kulħadd ħlief Jenny li kienet l-uniku waħda li Nick irrnexxielu jlibbsilha l-uniku paraxut abbord. L-għada Nick  jistembaħ u jsib ruħu f’kamra mortwarja u jsir jaf, mill-ispirtu ta’ Vail, li hu ġie misħut minn Ahmanet u li kellha l-ħsieb li tużah bħala reċipjent sostitut għall-alla Set. Sadanittant, Ahmanet taħrab minn ġewwa s-sarkofagu u tibda tmantni lilha nfisha minn bnedmin biex tirriġenera lilha nfisha. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, mimli azzjoni  u avventuri li jħallik bla nifs, u taħt id-direzzjoni ta’ Alex Kurtzman, kitba ta David Koepp, Christopher McQuarrie u Dylan Kussman. Minħabba li fil-film jidħol l-okkult, kif ukoll vjolenza ħarxa ħafna, kliem goff u xi referenzi sesswali, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.