• Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Jum il-Gradwazzjoni tal-Caritas, San Blas

    23 ta’ Ġunju 2017

    Nixtieq nirringrazzjakom ta’ din is-serata meraviljuża. Dak li rajna s’issa jfisser ħafna xogħol ta’ ħafna nies. Jien illejla kommoss iżjed mis-snin li għaddew għaliex f’dawn l-aħħar xhur kelli l-grazzja niltaqa’ mhux biss mal-istruttura, imma man-nies li jgħixu f’dawn l-ambjenti li qed toffri  l-Caritas, ambjenti ta’ rijabilitazzjoni, ambjenti li lill‑bniedem jerġgħu jagħtuh, għalkemm wara tbatija kbira, il-vera ħelsien u d-dinjità.

    Waqt li qed nara l‑filmat li qed jippreżentalna ftit l-esperjenza ta’ x’inhi San Blas u tal-proċess, laqtitni l-kelma “konsegwenza”, li ħafna drabi tkun xi ħaġa mhix daqshekk pjaċevoli. Imma naħseb ta’ min nirriflettu fuq din il-kelma għax sfortunatament waħda mid-deficits kbar tal-kultura tagħna hija li ngħixu mingħajr ma nqisu l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tagħna. U allura hija ħajja mingħajr riflessjoni u mingħajr sens ta’ responsabbiltà. Mentri jekk inti tinnota l-proċess li qed isir ma’ dawn iż-żgħażagħ u adulti, hemm din il-ħerqa kbira tal-istaff li jerġgħu insisslu f’dawn il-persuni mhux biss sens ta’ dinjità personali, imma wkoll sens ta’ responsabbiltà kbira li jkollok il-ħelsien tagħżel, imma qabel tagħżel trid tqis il-konsegwenzi ta’ dak li se tagħmel. U din hija verament skola kbira ta’ dinjità umana imprezzabbli.

    Kif jista’ jkun li ambjent li jissejjaħ korrettiv, ikun ambjent fejn dak li jkun qisu qiegħed fit-triq?  

    Ġesù, fost il-ħafna kliem tiegħu li wasslilna, għandu din is-sentenza: “Min hu fidil fil-ftit, hu fidil fil-ħafna”. Għallimna biex napprezzaw anke l-mumenti żgħar tal-ħajja, anke l-iċken pass. Jiena u niddjaloga mar-residenti ta’ hawnhekk fis-sezzjoni tan-nisa, u anke f’Baħar iċ-Ċagħaq fil-programm partikolari għar-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, irrealizzajt li dawn huma nies ħerqana li jagħmlu passi ċkejknin imma b’ġenerożità kbira. Kultant ifallu, kultant min ikun fix-xelter ma jirnexxilux ikompli, imma rridu nsegwuhom bis-sapport tagħna biex jerġgħu jibdew. Laqtititni ħafna l-esperjenza ta’ omm, nixtieq insellmilha, u permezz tagħha nsellem lill-ġenituri kollha anke preżenti hawnhekk.

    F’isem il‑Knisja nixtieq nikkonferma l-impenn tal-Knisja f’Malta li tibqa’ tkun ta’ sapport għal din l-opra viżjonarja li beda l-maħbub Mons. Victor Grech fostna, u li issa qiegħda f’idejn kapaċċissmi ta’ Leonid Mckay, li nirringrazzjah f’isimna lkoll u anke grazzi lill-kollegi kollha tiegħu. Warajh qed nara lil Mr Gatt, dan ir‑raġel impressjonani. Sewwa għidt Leonid meta ddeskrivejtu raġel kalm imma b’kalma determinata.

    Fil-preżenza tal-Ministru Michael Farrugia u l-Ministru Michael Falzon nixtieq nieħu wkoll l-opportunità biex nirringrazzja lill-Gvern, lill-Istat tas-sapport tiegħu.

    Eċċellenza Tagħha President ta’ Malta, il-preżenza tiegħek illejla mhix biss att sabiħ ta’ korteżija, imma sinjal tal-imħabba personali tiegħek għal kull wieħed u waħda minn dawn il-persuni li qed jagħmlu dan il-vjaġġ, imma wkoll l-impenn tal-Istat Malti li joħloq ambjent fejn kulħadd ikollu sens kbir ta’ responsabbiltà.

    Ippermettuli ngħid kelma, għaliex tgħallimt xi ħaġa li ħasbitni ħafna waqt id-djalogu tiegħi ma’ dawn l-adulti. Smajnieha diġà fil-filmat li rajna llejla: li inti, meta tkun il-ħabs, qisek qiegħed fit-triq. Kif jista’ jkun? Din hija domanda li qed nagħmel lis-soċjetà Maltija, lill-Istat, u lill-Gvern. Kif jista’ jkun li ambjent li jissejjaħ korrettiv, ikun ambjent fejn dak li jkun qisu qiegħed fit-triq? Dan huwa deficit, dan huwa falliment li ma nistgħux nibqgħu nġerrħuh. Jiena qiegħed hawn mhux biex niġġudika, qiegħed hawn biex inwiegħed is-sapport tal-Knisja f’Malta, biex dak li hemm bżonn isir, biex kull min għandu bżonn jgħix il-konsegwenza tad-delitti tiegħu, fl-istess ħin ikollu ambjent fejn isir ċittadin responsabbli li jaħseb fil-konsegwenzi li għamel fil-vera libertà.

    Nirringrazzjakom ħafna u minn issa nawgura lil dawk kollha li se jiggradwaw illejla u nwegħedkom li kull sena niġi nżurkom. Grazzi.

    Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja
  • Click here to view or purchase the event’s photos