• Nhar l-Erbgħa li ġej, 12 ta’ Lulju 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna se jiltaqa’ ma’ bosta missjunarji Maltin li bħalissa jinsabu Malta għal ġranet ta’ mistrieħ, li iżda matul is-sena jaqdu ħidma pastorali tagħhom f’diversi pajjiżi fosthom l-Awstralja, il-Perù u l-Pakistan.
     
    Il-laqgħa mas-saċerdoti, reliġjużi u lajċi Maltin ilha ssir kull sena għal aktar minn 50 sena b’appreżżament għall-ħidma li jwettqu fl-artijiet tal-missjoni barra minn Malta. F’din il-laqgħa, il-missjunarji jkollhom iċ-ċans jagħtu tagħrif dwar l-esperjenzi tagħhom fil-ħidma pastorali u missjunarja li qed iwettqu fil-komunitajiet tagħhom.
     
    Il-laqgħa se ssir f’Dar l-Emigrant, il-Belt Valletta fil-11:00 a.m., u l-missjunarji huma mħeġġa jattendu u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-Arċisqof Charles J. Scicluna.
     
    Dan l-appuntament annwali qed jiġi orgranizzat minn Dar l-Emigrant flimkien mal-Uffiċċju Missjunarju.