• ***

    Direttur:          Brian Fee

    Ilħna:               Owen Wilson, Cristella Alonzo, Chris Cooper, Armie Hammer, Bonnie Hunt, Larry the Cable Guy, Nathan Fillion u Lea DeLaria

    Ħin tal-Film:   109 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                  U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       U

    Hekk kif l-istaġun tal-Piston Cup ikun fl-aqwa tiegħu, Lightning McQueen qiegħed isib ruħu fid-dell ta’ Jackson Storm li llum il-ġurnata kien jagħmel parti minn generazzjoni ġdida ta’ karozzi tat-tlielaq b’użu ta’ teknoloġija ġdida li għenet mhux ftit biex ittejjeb l-eżekuzzjoni waqt il-konkors. Riżultat ta’ dan, il-veterani ta’ Lightning irtiraw mix-xena għax ma sabux biżżejjed sponsors biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż. Minflok dawn, ħadu posthom il-ġenerazzjoni  ta’ karozzi tal-ġiri li kienu joffru aktar spettaklu.

    F’waħda mit-tiġrijiet li Lightning kien qiegħed jieħu sehem, mhux biss waqa’ lura wara kulħadd, iżda biex tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni, meta pprova jżid il-veloċità, tilef il-kontrol u spiċċa mfarrak. Jgħaddu erba’ xhur minn din id-disfatta u waqt li kien qiegħed jirkupra ġewwa Radiator Springs, Lightning jistqarr mal-maħbuba tiegħu, Sally Carrera, li hu ma kienx lest li jirtira mit-tlielaq u li kien deċiż li jibda t-taħriġ biex b’hekk jerġa’ jsib postu fost il-kbar. Rusty u Dusty, il-proprjetarji, jibgħatu lil Lightning f’ċentru ġdid li nfetaħ. Meta jasal, isir jaf li Rusty u Dusty kienu biegħu l-Rust-eza lil Sterling, negozjant,  li dan min-naħa tiegħu, assenjalu lil Cruz Ramirez bħala trejner.

    Lightning xejn ma ħa pjaċir u beda jitlef il-paċenzja għaliex Cruz kien iħarrġu biss fuq high-tech stimulator. B’nuqqas ta’ ħila fuq dan it-tagħmir, Lightning jikkawża ħsarat kbar. Sterling, wara dan l-inċident, kien konvint li Lightning ma kienx għadu kapaċi iktar u offrielu li jħaddmu fuq il-produzzjoni tal-endorsjar. Lightning xejn ma kien kuntent u jirnexxilu jagħmel ftehim ma’ Sterling li jekk jirbaħ l-ewwel  tiġrija ġewwa Florida, jkun jista’jkompli bil-karriera tiegħu u jekk le, allura hu kien lest li jċedi u jirtira. Sterling jaċċetta dan il-ftehim u jibgħatu ma’ Cruz biex jitħarreġ fuq xtajta. X’jiġri minn hawn? X’relazzjoni tibda tiżviluppa bejn Lightning u Cruz u fejn twassalhom din il-ħbiberija speċjali?

    Film Amerikan, animat-ikkomputerizzat, it-tielet wieħed minn serje ta’ films: Cars. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Brian Fee, bi storja tajba u li għandu jogħġob lil kulħadd, b’messaġġ pożittiv. Qabel il-film jintwera film qasir bit-titlu “Lou” fejn niltaqgħu ma’ tifel bully ġewwa skola li b’xorti tajba għalih u għal sħabu, jagħraf l-iżbalji tiegħu permezz ta’ oġġetti msaħħrin li kienu sabu ruħhom ġewwa kaxxa kbira mmarkata “Lost and Found”.