• ****

    Direttur:          Christopher Nolan

    Atturi:              Fionn Whitehead, Tom Glynn-Carney, Jack Lowden, Aneurin Barnard, Barry Keoghan, Mark Rylance, Tom Hardy  u Kenneth Branagh

    Ħin tal-Film:    106 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       12

    Il-film huwa mqassam fi tliet partijiet.

    L-ewwel parti tlaqqgħana ma’ Tommy, suldat żagħżugħ li flimkien ma’ sħabu jinsabu fit-toroq ta’ Dunkirk resqin lejn ix-xatt. Minħabba l-attakki minn suldati Ġermaniżi, Tommy ikun l-uniku wieħed li jasal ħaj fuq ix-xatt ta’ Dunkirk. Meta jasal jiltaqa’ ma’ Gibson, suldat żagħżugħ, li kien qiegħed jidfen fir-ramel, wieħed minn sħabu. It-tnejn jagħmlu ħbieb. Fi triqthom biex jingħaqdu ma’ suldati oħra li kienu jistennew biex jiġu evakwati, jiltaqgħu ma’ suldat ieħor ferut. X’jiġri minn dawn it-tliet suldati? Tgħid jirnexxielhom isalvaw? Nassistu għal avventuri li jgħaddu minnhom biex isibu mezz biex jitilqu minn Dunkirk.

    Fit-tieni parti niltaqgħu ma’ Mr. Dawson li flimkien mat-tifel tiegħu, Peter u l-ħabib tiegħu George, jiddeċiedu li bil-lanċa tagħhom, imorru lejn Dunkirk biex jgħinu fl-evakkwazzjoni tas-suldati  Brittaniċi. Fi triqthom, isalvaw suldat li kien l-uniku wieħed li salva f’attakk minn U-Boat. Dan is-suldat li kien taħt xokk, stenna li jeħduh lejn l-ingilterra, talba li Dawson ma setgħax jaċċetta għax l-għan tiegħu kien li jsalva kemm jista’ suldati li kienu jinsabu maqbuda ġewwa Dunkirk u jinsabu f’ħalq il-mewt. X’jiġri meta dan ikun vjolenti u jikkawża inċident serju abbord? Wara li waqgħat il-kalma abbord, Dawson isalva mill-baħar pilota Ingliż li l-ajruplan Spitfire kien ntlaqat u spiċċa fil-baħar. Tgħid Dawson jirnexxielu jasal Dunkirk u jsalva numru ta’ suldati?

    It-tielet parti teħodna fl-ajru fejn niltaqgħu ma’ tliet piloti, Ferrier, Collins u ieħor bla isem li permezz ta’ ajruplani Spitfires isibu ruħhom jissieltu fl-ajru ma’ ajruplani Luftwaffe li l-għan ta’ dawn kien li joqtlu kemm jistgħu suldati Brittaniċi maqbudin fuq ix-xtajta ta’ Dunkirk, fit- triqthom lejn l-Ingilterra. X’kien is-sehem tagħhom biex isalvaw tant suldati minn mewta ċerta? Ferrier u Collins jibqgħu jissieltu wara li t-tielet pilota spiċċa mwaqqa’ fil-baħar. Ftit wara Collins ukoll jintlaqat iżda jiġi salvat minn Mr. Dawson. Jibqa’ biss Ferrier…x’jiġri minnu?

    Film tal-gwerra fejn jurina l-atroċitajiet li jsiru minn bniedem kontra ieħor iżda fl-istess waqt l-eroiżmu li l-bniedem kapaċi juri fi żmien diffiċli. Hu taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Christopher Nolan. Minħabba t-tensjoni li tinħoloq f’din il-qagħda traġika, vjolenza min-naħa tal-għadu, kif ukoll kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.