• ***

    Direttur:          Luc Besson

    Atturi:              Dane DeHann, Cara Delevingne, Clive Owen, Rihanna, Ethan Hawke, Herbie Hancock, Kris Wu u Rutger Hauer

    Ħin tal-Film:   137 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                  12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       12

    Ninsabu fis-seklu 28 fejn insibu stazzjon spazjali li fuqu jgħixu miljuni ta’ ħlejjaq minn pjaneti differenti. Dawn kollha jgħixu trankwillament fil-paċi u waslu biex anke jaqsmu l-għerf u l-kultura ma’ xulxin. Dan l-istazzjon spazjali kellu l-bidu tiegħu mid-Dinja tagħna. Maż-żmien tkabbar tant li llum jħaddan fih nazzjonijiet u razez minn pjaneti oħra.

    Valerian u Laureline huma żewġ aġenti speċjali fil-forza umana u kienu jaraw li tinżamm l-ordni u l-paċi. Valerian, f’ħolma, jara pjaneta fejn fiha kienu jgħixu speċi ta’ umani f’dik li deher li kienet ġenna tropikali. Dawk li jgħixu fiha kienu jistadu għall-perli li fihom kellhom enerġija straordinarja. Kienu wkoll irabbu ċertu annimal  biex dawn il-perli li jsibu, jkunu jistgħu jkattruhom.  Iżda fil-ħolma, Valerian jara wkoll li din il-ġenna tiġi mfarrka u meqruda minn irdim ta’ stazzjon spazjali. Hawn Valerian jqum. Hu u Laureline jiddeċiedu li jmorru fuq missjoni biex jaraw isibux wieħed minn dawn l-annimali ħelwin u rari li Valerian kien ra fil-ħolma. Dawn l-annimali kienu magħrufa bħala “converter”, u ttamaw li jakkwistaw wieħed minnhom mill-idejn.

    Valerian jinterrompi laqgħa li wieħed minn dawn it-traffikanti kellu ma’ klijenti prospettivi ta’ “converter” u li dehru jixbħu ħafna dawk il-umanojde li Valerian kien ra fil-ħolma.  Hu u Laureline rrnexxielhom jakkwistaw  “converter” u Valerian anke bil-moħbi seraq waħda mill-perli li huma stess kienu ħalsu lit-traffikant.

    Lura lejn l-Alpha jsiru jafu mingħand il-Kmandant Filitt, li parti mill-istazzjon kienet ġiet infettata minn forza mhux magħrufa u li l-infezzjoni kienet tidher velenuża tant li meta ntbagħtu xi truppi f’din iż-żona, dawn ma reġgħux lura. Laureline u Valerian jintbagħtu biex jipproteġu lil kmandant li min-naħa tieghu jitlobhom il-“converter”. Valerian iżda dan ma jagħmlux.  Waqt li kienu jippreparaw, l-umanojde jattakkaw u jaħtfu lil Valerian li iżda jaħarbilhom. Flimkien ma’ sħabu  jmorru għal warajhom lejn iż-żona nfettata. X’jiġri minn hawn?

    Film Franċiż ta’ fantaxjenza, mimli azzjoni u avventuri, direzzjoni ta’ Luc Besson msejjes fuq serjè ta’ komiks ta’ fantaxjenza Franċizi taħt l-isem ta’ Valérian and Laureline, miktuba minn Pierre Christin u llustrati minn Jean-Claude Mézieres. Minħabba xi xeni ta’ vjolenza  għalkemm mhux imdemmija, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax il-sena.