• L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja ta’ San Lawrenz, il-Birgu

    10 ta’ Awwissu 2017

    Bħalma hu miktub: “huwa qassam bil-kotra u ta lill-foqra; il-ġustizzja tiegħu tibqa’ għal dejjem” (S 111, 9). Dan il-kliem mis-Salm jirrepetih l-appostlu Missierna (2Kor 9, 9) u dan il-kliem joqgħod tajjeb għall-qaddis levita martri Lawrenz.

    Wara l-qima kbira li l-Knisja ta’ Ruma għandha lill-appostli Pietru u Pawlu, id-devozzjoni tal-Knisja ta’ Ruma tqim b’mod speċjali u partikolari lil San Lawrenz. Nistgħu ngħidu li f’Ruma stess hemm iżjed knejjes iddedikati lil San Lawrenz milli lil San Pietru u lil San Pawl. Mill-ewwel sekli, ibda minn Kostantinu, il-komunità Nisranija kienet tqim u tħares it-tifkira ta’ Lawrenzu b’ħeġġa tant kbira li għożżew il-postijiet maqgħuda mal-ħajja qasira imma sinifikattiva tiegħu u sal-lum għadna nafu l-postijiet fejn kien jaqdi lil Papa Sistu bħala djaknu, fejn ġie kkundannat, fejn ġie maħruq fuq il-gradilja, u saħansitra fejn kien midfun. Il-qabar tiegħu, fuq il-Via Tiburtina u l-Campo Verano, għadu magħna sal-lum meqjum mill-papiet kollha bħala post qaddis imqaddes bit-tifkira tal-għażiż Lawrenz. Sa mill-ibgħad żminijiet l-istorja ta’ ħajtu, għalkemm qasira, kienet tiġi rrakkontata bħala xhieda ta’ bniedem li kien fl-istess ħin qaddej, għax wara kollox li tkun djaknu huwa li tkun ordnat għall-qadi, u fl-istess ħin martri.           

    Matul is-sekli, il-figura ta’ Lawrenz tfakkar lill-Knisja li l-qadi huwa l-aqwa xhieda, li l-qadi huwa l-aqwa martirju. Tfakkar ukoll li biex taqdi trid tagħti ħajtek. Lawrenz huwa dak li b’ħajtu u b’mewtu għex il-kelma ta’ Ġesù li smajna fil-Evanġelju tal-lum. “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha, imma jekk tmut tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja, iżommha sħiħa għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 12, 24-25).   

    Lawrenz ħaddan lil Ġesù Kristu fis-sagrament tal-Magħmudija u fil-qalb tiegħu tkebbes nar li wasslu għall-ħajja ta’ dejjem.  

    L-ispettaklu ta’ dan iż-żagħżugħ imneżża’ minn kull dinjità tiegħu, mhux biss minn ħwejġu, imma marbut mal-gradilja u jinħaraq ftit ftit, f’tortura li aħna lanqas biss nistgħu nimmaġinaw, tfakkarna mhux biss fiż-żerriegħa li waqgħet fl-art u mietet u għamlet ħafna frott, imma tfakkarna f’dak il-frott li sar qamħ u dqiq, għaġna li fuq il-gradilja jsir ħobż mogħti lil Alla. Il-martirju ta’ Lorenzo, mill-iżjed aħrax, jibqa’ jħalli fil-Knisja mudell erojku ta’ għotja u ta’ fedeltà. Mhux ta’ b’xejn li l-Knisja, bit-talba antika ħafna għall-festa ta’ San Lawrenz, tfaħħru għall-fedeltà tal-qadi tiegħu u tfaħħru wkoll glorjuż fil-martirju tiegħu: servitio fidelis, martirio gloriosus, qaddej fidil fid-djakonija tiegħu, martri glorjuż bix-xhieda tiegħu. Servitio fidelis, martirio gloriosus. Il-Knisja tipprova tifhem, minn fejn San Lawrenz ġab din il-qawwa kbira kemm fil-qadi tiegħu u kemm fil-martirju, u tgħid, “kien imħeġġeġ mill-imħabba lejk, O Mulej” (Kolletta).

    Nistgħu ngħidu li qabel il-ġamar jaħraq ta’ taħt il-gradilja, kien hemm fil-qalb ta’ Lawrenz ħeġġa kbira għall-Mulej li kien għażlu Sid tiegħu fil-Magħmudija. Fi żmienu, fit-tielet seklu, il-Magħmudija ma kinitx għażla leġġera, jew awtomatika, jew għax kulħadd jagħmel hekk. Kienet għażla konxja, kienet għażla li magħha taf iġġib prezz għoli ħafna. U Lawrenz ħaddan lil Ġesù Kristu fis-sagrament tal-Magħmudija u fil-qalb tiegħu tkebbes nar li wasslu għall-ħajja ta’ dejjem.     

    Il-liturġija tal-festa solenni tal-lum, hi u tikkontempla l-ġamar jaħraq taħt il-gradilja fil-mument tal-martirju, tfakkarna kontinwament fil-ħeġġa kbira tal-qalb ta’ San Lawrenz. U San Lawrenz li jħobb tassew lill-Mulej b’qalb imħeġġa, b’nar kbir ma setax ukoll ma jħobbx lill-proxxmu tiegħu. “Alla jħobb lil min jaghti bil-ferħ. Alla għandu l-ħila” jgħidilna l-appostlu Missierna fit-Tieni Qari li smajna llum, “ifawwarkom b’kull xorta ta’ barka, hekk li dejjem f’kollox ikollkom kulma ma hu biżżejjed għalikom, u jibqgħalkom ukoll għal kull opra tajba” (2Kor 9, 7-8).    

    Id-deċiżjoni ta’ Lawrenz kienet li l-ġid tal-Knisja jafdah lil min tassew kien propjetarju tiegħu: lill-komunità u b’mod speċjali lill-fqar.  

    Id-djaknu Lawrenz tnikket meta l-imperatur Valerjanu fis-sena 258 ħareġ l-editt krudili li jikkundanna għall-mewt b’mod awtomatiku lill-kleru kollu Kattoliku: lill-isqfijiet, lill-presbiteri u lid-djakni. Lill-Isqof ta’ Ruma, Sistu, sabuh jqaddes fil-katakombi ta’ San Kallistu flimkien ma’ wħud mid-djakni tiegħu. Lawrenz ma kienx hemm. It-tradizzjoni twasslilna djalogu ħelu bejn Lawrenz u Sistu. Lawrenz li qed jinsisti, “Jiena dejjem miegħek aħna u naqdu l-Knisja u naqdu lill-fqar, jiena dejjem kont miegħek aħna u niċċelebraw l-Ewkaristija, jiena dejjem kont miegħek aħna u nżuru l-morda u l-ħabsin, jiena dejjem kont miegħek aħna u nxandru l-kelma t’Alla. Għaliex m’intix se teħodni miegħek għall-martirju llum?” U Sistu jgħidlu, “Tibżax, ibni, tlitt ijiem oħra jkun imiss lilek”.        

    Lawrenz, kif ra lill-maħbub isqof tiegħu l-Papa Sistu u wħud minn sħabu d-djakni maqtula, beda jaħseb x’se jagħmel bir-responsabbiltà li kellu fl-assenza tal-Papa Sistu u mill-amministrazzjoni tal-ġid tal-Knisja. Ma kinitx xi ħaġa ħafifa li tamministra b’lealtà dak kollu li l-komunità kienet tpoġġi biex l-isqof, il-presbiteri u d-djakni jkunu jistgħu jmexxu l-Knisja u jgħinu lill-fqar. Hu rrealizza wkoll li bħalma kien jiġri f’kull persekuzzjoni, Valerjanu xtaq jikkonfiska l-beni kollha tal-Knisja. Id-deċiżjoni ta’ Lawrenz kienet li l-ġid tal-Knisja jafdah lil min tassew kien propjetarju tiegħu: lill-komunità u b’mod speċjali lill-fqar.    

    It-tradizzjoni twasslilna djalogu ieħor, din id-darba bejn Lawrenz u Valerjanu jew inkella l-arkużin li bagħat l-imperatur. Meta staqsewh fejn qiegħed il-ġid tal-Knisja, hu wrihom il-morda, id-diżabbli, dawk kollha li għandhom bżonn għajnuna speċjali. Jekk illum ikollna nagħmlu din il-lista ninkludu wkoll iż-żgħażagħ li qegħdin f’rijabilitazzjoni mid-droga, tfal li qegħdin fid-Djar għaliex m’għandhomx min jieħu ħsiebhom, refuġjati, u l-400 persuna li kuljum jingħataw akkomodazzjoni mill-ġid tal-Knisja anke bil-għajnuna tal-Istat. Illum nirringrazzjaw lil Alla li l-Istat jgħin fl-inizjattiva tal-Knisja, u mhux ifixkilha. Imma fi żmien Lawrenz ma kienx hekk. Lawrenz uriena min huma t-teżori vera tal-Knisja u għalhekk il-glorja tiegħu hija l-glorja li jsemmi l-appostli Missierna; “Huwa qassam bil-kotra u ta lill-foqra; il-ġustizzja tiegħu tibqa’ għal dejjem”.    

    San Lawrenz ma marx fuq il-gradilja bil-biża’, imma żgur mar bl-apprenzjoni ta’ min jaf li qed tistennieh mewta tassew ħarxa u krudili. Wieħed mir-rakkonti li nkiteb fis-sekli tal-istorja jgħidilna li ħin minnhom, wara li kien inkalja fuq naħa, qalilhom, “tistgħu taqilbuni għaliex din in-naħa saret sew”. U din l-battuta ta’ kuraġġ u fl-istess ħin ukoll ta’ sfida, damet snin bit-tradizzjoni Medjevali u Ewropea għal din il-battuta kważi umoristika, imma ta’ ironija kbira.   

    San Lawrenz huwa wkoll meqjum bħala patrun ta’ min jipprova jferraħ in-nies. San Lawrenz jgħallimna li l-ħajja ma rridux neħduha b’serjetà esaġerata b’mod li aħna nitilfu s-sens ta’ umoriżmu. Din hija lezzjoni li ħafna drabi ma nsemmuhiex fil-paniġierku ta’ San Lawrenz għax forsi nħossu li qegħdin nonqsuh. Imma t-tradizzjoni tal-Knisja dejjem rat f’dan il-martri żagħżugħ determinazzjoni li jħobb lil Ġesù sal-aħħar u li bil-mod tiegħu ta’ ironija lil min mingħalih għandu l-poter fuq il-ħajja u l-mewt, jgħidlu, “inti se taħraqli ġismi” bħal ma tgħid waħda mill-antifoni ta’ din il-liturġija sabiħa tal-festa tal-lum, “imma qalbi tibqa’ ta’ Ġesù, qalbi tħeġġeġ b’nar qaddis ta’ mħabba lejn il-Mulej tiegħi”.     

    “Jekk xi ħadd irid jaqdini,” jgħid Ġesù “dan għandu jimxi warajja, u fejn inkun jien, hemm ikun il-qaddej tiegħi” (Ġw 12, 26). Fil-ħajja ta’ San Lawrenz insibu konferma ta’ dan il-vers għaliex San Lawrenz sab lil Ġesù fil-foqra, San Lawrenz sab lil Ġesù fejn kien fil-batut għaliex hu stess qalilna “dak kollu li tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti, intom tkunu qegħdin tagħmluh miegħi”. U allura “fejn inkun jien” jgħid Ġesù, “hemm ikun il-qaddej tiegħi”. U jekk trid issib lil Lorenzo, jekk trid tiltaqa’ miegħu, mhux biss f’ħajtu imma matul l-iskola tal-Knisja u anke llum, fittex lil San Lawrenz fejn hemm il-batut, fittex lil San Lawrenz f’ħutek il-bnedmin għaliex hemm qiegħed il-Mulej Ġesù u fejn qiegħed il-Mulej Ġesù hemm ukoll il-qaddej tiegħu, Ġesù f’Lorenzo. Forsi ma tarahx fid-dawl tal-għajnejn tal-ġisem imma tarah ukoll bl-imħabba tal-fidi, fil-preżenza tiegħu miegħek fix-xirka tal-qaddisin.    

    Nitlob lil Lorenzo tagħna, biex il-Knisja f’Malta, fuq l-eżempju sabiħ tiegħu, dejjem tagħti bil-ferħ, qatt bil-geddum, li hi tkun kollaboratriċi tal-Istat għal ġid komuni.

    “Min jimxi warajja ma jimxix fid-dlam imma jkollu d-dawl tal-ħajja”. Lawrenz idawwalna mhux biss bil-ġamar tal-martirju tiegħu imma wkoll bil-ħeġġa tal-qalb tiegħu. Il-martirju aħrax tiegħu ifakkarna fil-martirju aħrax ta’ tant ħutna li sal-ġurnata mqaddsa tal-lum, qed jagħtu ħajjithom biex ma jiċħdux lil Ġesù. Ftakru, ħuti, f’dawk l-Insara Eġizzjani, l-Insara Kopti li ħanxrulhom għonqhom fuq ix-xatt tal-Baħar Mediterran, li d-demm tagħhom ħammar il-baħar li jdawwar il-gżejjer tagħna. Mhumiex ukoll glorjużi bħalma kien glorjuż Lawrenz? Ma kellhomx it-tbatija ħarxa li għadda minnha, lanqas Sistu u sħabu ma kellhomx it-tbatija ħarxa fil-martirju li għadda minnu Lawrenz. Lawrenz jaffaxxinana bil-kuraġġ tiegħu, jaffaxxinana bil-ġenerożità tiegħu.

    “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ”. Din il-kelma toqgħod tant tajjeb għal Lawrenz tagħna, li anke fil-martirju tiegħu ma tilifx il-boxxla, baqa’ jħares lejn is-sema. Kien qed jagħti ħajtu bil-ferħ. Hu li ta l-ġid tal-Knisja lill-propjetarju propju veru tiegħu li huma l-fqar, id-diżabbli, min għandu bżonn, għax jekk nagħmlu żejt xogħol u dan iħalli l-ġid, il-ġid irid imur għall-bżonnijiet soċjali tal-komunità, għall-bżonnijiet soċjali tal-pajjiż. Illum nixtieq nitlob lil Lorenzo tagħna, biex il-Knisja f’Malta, fuq l-eżempju sabiħ tiegħu, dejjem tagħti bil-ferħ, qatt bil-geddum, li hi tkun kollaboratriċi tal-Istat għall-ġid komuni, li aħna naħdmu flimkien bħala soċjetà biex ikollna l-barka ta’ min jagħti bil-ferħ, ikollna l-barka ta’ min fil-fqir u l-batut jara x-xbieha sabiħa tal-Mulej.

    Imberkuk, O Lorenzo, għax inti kont fidil fid-djakonija tiegħek, servitio fidelis u kont glorjuz fil-martirju tiegħek, martirio gloriosus. Illum nitolbuk biex aħna nimxu fuq l-eżempju tiegħek, nitgħallmu mill-eżempju tiegħek, naraw lill-Mulej – li int qaddej tiegħu – f’ħutna, inħobbu tassew lil xulxin, naħfru lil xulxin, u naħfru anke lil min jippersegwitawna. Agħmel li inti tħeġġiġna bl-imħabba li kellek għal Ġesù biex meta nħarsu lejk, aħna nħarsu lejn ħabib ta’ Ġesù li jinterċedi għalina u jipproteġina u bil-qalb. Infaħħru lil Ġesù li jkebbes fina xrara ta’ mħabba straordinarja, nagħjtulek bil-qalb: Viva San Lawrenz!

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: John Raggio