• Għat-tieni sena konsekuttiva, il-parroċċi ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr organizzaw Pellegrinaġġ bil-Muturi fil-festa ta’ Santa Marija.  Dawn huma żewġ parroċċi dedikati lil Santa Marija li iżda jiċċelebraw il-festa titulari Ħadd fuq il-15 ta’ Awwissu.  Għalhekk ittieħdet l-inizjattiva li llum, is-solennita’ tat-tlugħ fis-sema tal-Madonna, tiġi organizzata din l-attivita’ li tgħaqqad flimkien sewwieqa ta’ muturi miż-żewġ lokalitajiet li jsuqu f’pellegrinaġġ wara x-xbieha ta’ Santa Marija.  

    Din is-sena l-pellegrinaġġ beda mid-Dar tal-Providenza. Iż-żewġ parroċċi ħassew li l-attivita’ għandha jkollha wkoll skop ta’ karita’ u għalhekk is-sewwieqa tal-muturi kienu mistiedna jagħtu donazzjoni għall-bżonnijiet ta’ din id-dar tal-Knisja f’Malta li toffri għadd ta’ servizzi lil persuni b’diżabilita’.  

    Mid-Dar tal-Providenza l-pellegrinaġġ ħa r-rotta lejn Ħad-Dingli fejn saret waqfa ħdejn il-Knisja, bl-Arċipriet Dun Ewkarist Zammit mexxa talba u s-sewwieqa tal-muturi ngħataw tifkira tal-okkażjoni. 

    Il-pellegrinaġġ issokta lejn l-Imġarr fejn il-muturi ġew ipparkjati fuq iz-zuntier tal-knisja. Il-Kappillan tal-Imġarr, Dun Kalċidon Vassallo, bierek lis-sewwieqa u l-muturi tagħhom u tqassmu ċertifikati ta’ parteċipazzjoni. 

    Din l-attivita’ għaqqdet flimkien mument ta’ talb u radd il-ħajr lill-Madonna, ġest ta’ solidarjeta’, u għodwa pjaċevoli għas-sewwieqa tal-muturi li ħadu sehem.  Il-parroċċi ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr iroddu ħajr lit-Taqsima tat-Traffiku tal-Korp tal-Pulizija għall-assistenza li ngħatat tul it-triq. 

  • Ritratt: TVM.COM.MT/Brandon Pisani