• ***

    Direttur:          Nikolaj Arcel

    Atturi:              Idris Elba, Matthew McConaughey, Tomy Taylor, Claudia Kim, Fran Kranz, Abbey Lee u Jackie Earle Haley

    Ħin tal-Film:    95 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

    Jake Chambers, tifel ta’ ħdax-il sena, jesperjenza viżjonijiet ta’ raġel liebes l-iswed li qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex jeqred Torri u jekk jirnexxielu jagħmel hekk, ikun ifisser it-tmiem tad-dinja, fil-waqt li Gunslinger kien qiegħed joffri oppożizzjoni ħarxa kontra tiegħu. Kemm omm Jake kif ukoll it-tieni raġel t’ommu u psikjatri, jsostnu li dan il-ħolm kien effett ta’ trawma wara l-mewt ta’ missieru s-sena ta’ qabel.

    Fl-apartament fejn kien joqgħod ġewwa New York City, grupp ta’ ħaddiema, allegatament minn fakultà psikjatra, joffru li jirriabilitaw lil Jake iżda Jake jintebaħ li dawn kienu mostri mlibbsin sura ta’ bniedem hekk kif kien rahom fil-viżjonijiet li kellu. Jake jirnexxielu jsib dar abbandunata li kien ra f’waħda mill-viżjonijiet u hemm jiskopri high-tech site tal-internet li meta jidħol fiha jsib ruħu f’dinja apokaliptika magħrufa bħala Mid-World. F’din il-Mid-World, jiltaqa’ ma’ Roland Deschain, Gunslinger, l-istess figura li kien ra fil-viżjoni.

    Roland kien qiegħed jsegwi lil Walter Padick, ir-raġel liebes l-iswed, l-istess wieħed li Jake wkoll kien ra fil-viżjoni. Roland kien qiegħed jiġri wara Walter biex jivvendika ruħu għall-mewt ta’ missieru, Stephen. Roland jispjega lil Jake li dan Walter kien qiegħed jaħtaf tfal psikiki u jipprova juża l-qawwa li kellhom biex jeqred  it-Torri Misterjuż, struttura mitika fiċ-ċentru tal-univers. Jekk jitfarrak dan it-Torri, kien ifisser li minnu kienu joħorġu mostri li jinvadu u jeqirdu r-realtà. Roland jieħu lil Jake ġewwa raħal biex jiltaqa’ ma’ bniedem li kien kapaċi  jara x’se jiġri.

    Sadanittant, Walter isir jaf li Jake kien ħarab lejn il-Mid-World u wara li jinvestiga, jirrealizza li Jake kellu biżżejjed potenzjal psikiku biex jeqred it-Torri. X’jagħmel Walter hawn biex isir jaf iktar fuq Jake? Min-naħa l-oħra, Roland u Jake jsiru jafu li l-bażi tal-operazzjoni ta’ Walter kienet tinsab ġewwa New York. X’jiġri minn hawn? Roland u Jake jħossu l-ħtieġa li jerġgħu lura lejn id-dinja. X’isibu  meta jaslu u x’effett kienet sejra tħalli fuq Jake għal dak li sab?

    Film Amerikan ta’ fantaxjenza, hu taħt id-direzzjoni ta’ Nikolaj Arcel, msejjes fuq in-novella bl-istess isem ta’ Stephen King. Il-film jittratta t-tema tal-okkult. Minħabba, vjolenza, qtil u anke tortura barra wkoll xi kliem goff u profann, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.