• ***

    Diretturi:                     Bonni  Cohen u Jon Shenk

    Jieħu sehem:               Al Gore

    Ħin tal-Film:                99 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       PG

    Film dokumentarju Amerikan, hu taħt id-direzzjoni ta’ Bonni Coen u Jon Shenk. Fl-2006  kien ħareġ film – dokumentarju: An Inconvenient Truth li fih Al Gore, lidarba kien il-viċi president tal-Amerika, kien introduċina għax-xjenza klimatoloġika. Ħdax-il sena wara, Al Gore reġa’ magħna biex ikompli l-missjoni li kien beda minħabba l-fatt li l-klima aktar ma qiegħed jgħaddi ż-żmien, aktar qegħda tisħon b’konsegwenzi diżastrużi għad-Dinja tagħna. U dan mhux qiegħed jingħad għal żmien ‘il bogħod ħafna.

    Jekk ma jsirx xi ħaġa issa u mill-aktar fis, id-dinja sejra tkun post li ma tesperjenzax ħlief diżastri naturali bħal nuqqas ta’ xita f’ċertu nħawi tad-dinja jew l-oppost, fejn postijiet ikunu mhedda li jerqu. L-unika risposta biex jitwaqqaf dan il-global warming, hu li l-bniedem ikompli jinvesti f’enerġija alternattiva min-natura stess bħas-sħana tax-xemx u l-qawwa tar-riħ. Al Gore kien strument f’dawn l-aħħar snin biex jiġbed l-attenzjoni tal-pajjiżi kollha u għamel kruċjata biex il-mexxejja jieħdu azzjoni qabel ma jkun tard wisq.

    Il-film AN INCONVENIENT SEQUEL: TRUTH TO POWER, barra li jkompli fejn ħalla l-ewwel wieħed, jeżamina l-progress jew ir-rigress li sar fuq il-klima madwar id-dinja. Jidher li għad baqa’ ħafna xi jsir iżda għallinqas fis-sena 2016 saret laqgħa kbira ta’ numru kbir ta’ pajjiżi  u li fiha ġie miftiehem dak li beda jissejjaħ “Il-Ftehim ta’ Pariġi”.  F’din il-laqgħa li għaliha attendew il-kapijiet ta’ l fuq minn mija u ħamsa u disgħin pajjiż, wara ħafna diskussjonijiet l-aktar ma’ pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw b’rata magħġġla bħal  l-Indja u ċ-Ċina, fehmu l-ħtieġa li tinsab alternattiva u jsir it-tibdil meħtieġ.

    Film – dokumentarju, interessanti  ħafna u jagħmel tajjeb li wieħed jarah. Tajjeb li l-bniedem isir konxju tal-konsegwenzi fit-tibdil tal-klima li huma riżultat ta’ dak li l-bniedem stess qiegħed joħloq u li sejjer ikollu effett negattiv għal dawk li jiġu warajna.