• Direttur:             Doug Liman

    Atturi:                 Tom Cruise, Sarah Wright, Domhnall Gleeson, Jayma Maya, Jesse    

                                  Plemons, Lola Kirke, Lara Grice, Frank Licari u Alex Qaurles

    Ħin tal-Film:       117 min

    Maħrug minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                  15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       15       

    Fi tmiem is-snin sebgħin, Barry Seal kien jaħdem bħala pilota fuq il-linja tal-ajru TWA. Aġent mis-CIA jikkuntattjah u jitolbu jekk hux lest li jibda jtir bħala pilota bil-moħbi f’missjoni tas-CIA ġewwa l-Amerika t’Isfel. Dan kellu jagħmlu bl-użu ta’ ajruplan żgħir. Iktar tard, is-CIA jitlob lil Seal biex jibda jagħmilha ta’ kurjer bejnhom u l-Ġeneral Noriega ġewwa l-Panama.

    F’waħda minn dawn il-missjonjiet, il-Konsorzju Medellin, jagħmel kuntatt ma’ Seal u jitolbuh biex fit-titjira lura lejn l-Amerika jibda jieħu miegħu fuq l-ajruplan id-droga kokaina. Seal jaċċetta li jagħmel dan u jibda jieħu, lejn Louisiana, il-kokaina li l-konsorzju kien jgħaddilu.  Is-CIA min-naħa tagħhom għalkemm kienu jafu x’qiegħed jagħmel Seal, iżda jgħalqu għajnejhom għal  dak li kien qiegħed jagħmel, suppost wara darhom. Iżda d-DEA (Drug Enforcement Agency) tibda ssegwi l-passi ta’ Seal.

    Is-CIA jwissu lil Seal b’dan b’riżultat li Seal jibda jagħmel użu minn Mena, belt ġewwa Arkansas. Iktar tard is-CIA jitolbu lil Seal biex jibda jġorr miegħu armamenti lil Contras iżda Seal ma jdumx ma jintebaħ li dawn xejn ma kienu serji u għalhekk l-armi kienu jispiċċaw  f’idejn il-konsorzju. Min-naħa tas-CIA, dawn waqqfu bażi għat-taħriġ tal-membri tal-Contras li meta Seal kien iwassalhom ġewwa Mena, ħafna minnhom kienu jgħebu.  Eventwalment is-CIA għalqu  dan il-proġett u abbandunaw lil Seal f’idejn l-FBI, id-DEA u forzi oħra għal-infurzar tal-liġi. X’sejjer jagħmel Seal issa li sab ruħu f’din il-qagħda? Tgħid jirnexxielu jsib mezz biex jaħrab minn prosekuzzjoni li żgur twasslu biex jeħel  sentenza ta’ ħabs fit-tul?

    Film Amerikan, biografija ta’ Barry Seal, li kien għamel xi żmien fis-snin tmenin jagħmilha ta’ kuntrabandist u jdaħħal droga u armi kemm ġewwa l-Amerika t’Isfel kif ukoll fl-Amerika stess, sakemm fl-aħħar jiġi abbandunat minn dawk li kienu qabduh biex jagħmel dan.

    Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Doug Liman, kitba ta’ Gary Spinelli. Minħabba t-tema tal-film fejn jidħlu intriċċi bla skruplu, tradiment kif ukoll traffikar ta’ armi u droga bla rażan ta’ xejn, kliem goff u profann, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.