• ****

    Direttur:          Andy Muschietti

    Atturi:              Jaeden Lieberher, Jeremy Ray Taylor, Sophia Lillis, Finn Wolfhard, Chosen Jacobs, Jack Dylan Grazer, Wyatt Oleff, Bill Skarsgard u Nicholas Hamilton

    Ħin tal-Film:    135 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Ġewwa Derry Maine, belt ċkejkna, fis-snin tmenin, niltaqgħu ma’ grupp ta’ żgħażagħ adolexxenti li jiġu wiċċ imbwiċċ ma’ buffu ndemonjat bl-isem ta’ Pannywise kif ukoll b’dehriet oħra ta’ ħażen. Il-grupp kien immexxi minn Bill Denbrough, li kien  itemtem u Beverly Marsh, tfajla li jidher li kellha sigrieti mistura domestiċi. Li kien ġabhom flimkien kien il-fatt li dawn kienu jħossuhom barra miċ-ċirku ta’ sħabhom fl-iskola. Għal din ir-raġuni jibdew isejjħu l-grupp tagħhom bħala: The Losers Club.

    Magħhom jingħaqdu Ben Hanscom, oħxon iżżejjed, Richie Tozier, dejjem liebes in-nuċċali u Eddie Kasbrak, li baqa’ żgħir u li kien ipokondrijaku. Magħhom aktar tard, ingħaqad Mike Hanlon li spiss kien ikun abbużat verbalment minn sħabu fuq ix-xogħol. Bill, min-naħa tiegħu kien ħa din il-konfront ma’ Pennywise fuq aspett personali għax kien jara li wara tmien xhur qatt ma kien instema’ xejn fuq l-għejbien ta’ ħuh Georgie. Bill kien beda jissuspetta li kien Pennywise responsabbli għal dan.  Dakinhar, Pennywise kien qarraq b’Georgie meta mhux biss kien gidem u qata’ idejn Georgie, iżda wkoll ġibdu l-isfel ġewwa l-isprall tal-ilma. 

    Dawn is-sitt ħbieb, għalkemm f’għajnejn sħabhom kienu jidhru li ma jiswew għal xejn, magħqudin flimkien organizzaw kruċjata ta’ żgħażagħ kuraġġuzi biex jeħduha kontra Pennywise u l-ħażen djaboliku tiegħu. L-aħħar li kien seħħ xi ħaga simili ġewwa Derry, kien sebgħa u għoxrin sena qabel. Dan il-fatt sar jaf bih Ben Hanscom meta fil-librerija sab ktieb fuq l-istorja tal-belt. Jidħol fix-xena anke missier Beverly li kien jabbuża mit-tifla tiegħu. Barra  din il-problema li Beverly kellha tiffaccja kien ukoll attakk terribbli li Pennywise wettaq fuqha fil-kamra tal-banju meta pprova jaħtafha. Iżda b’kuraġġ kbir, Beverely irrnexxielha tieqaflu. Kif sejrin dan it-tim ta’ żagħżagħ qalbiena jiffaċċjaw lil Pennywise u l-qawwiet djaboliċi tiegħu? Tgħid jirnexxilhom?

    Il-film bit-titlu IT: CHAPTER ONE fuq l-iskreen, hu film Amerikan tal-biżà li jidħol fih ukoll is-sopranaturali. Hu taħt id-direzzjoni ta’ Andy Muschietti, imsejjes fuq in-novella bl-istess isem ta’ Stephen King. Minħabba li l-istorja titratta temi maturi bħal imġieba inċestuża bejn il-missier u t-tifla tiegħu Beverly,  kif ukoll vjolenza mdemmija, ċajt sesswali għalkemm intermittenti, kliem goff u profann, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tmintax-il sena.